Impjegat tal-kumpanija Gozo Channel, li ħeba envelope bi €3,000 fi flus, kien ordnat jagħmel 50 siegħa xogħol fil-komunita’.
Il-Maġistrat Joe Mifsud kellu kliem iebes għall-Gozo Channel wara li naqset milli tagħmel sottomissjonijiet f’każ fejn hi kienet parte civili. “Il-Qorti nnutat li l-Gozo Channel mhux qed timxi bl-istess mod f’każi li qed jidhru quddiemha. F’każi ta ftit ewro, tiftaħ il-kanuni kollha kontra dawk akkużati filwaqt li f’każ bħal dan li jinvolvi ammont sostanzjali ta’ flus kontanti, hi baqgħet passiva. Il-Ġustizzja m’għandix tħares lejn uċuh u għandha tittratta lil kulħadd l-istess!”
L-akkużat Joseph Portelli kien jaħdem bħala kollettur tal-biljetti mal-Gozo Channel. L-inċident in kwistjoni seħħ fil-25 ta’ Ġunju 2014 meta kien sab madwar €3,000 f’envelope fuq trailer tal-bagalji li kien qed jintuża minn Emanuel Cremona, impjegat ieħor u mar jaħbihom fil-karozza tiegħu. Il-flus kienu nġabru minn Rosette Sillato minn bejgħ ta’ biljetti.
Hekk kif Cremona induna li l-envelope m’għadux fejn ħallieh, hu nforma lill-kollegi tiegħu u kemm hu kif ukoll Sillato bdew ifittxuh. Wara li għadda xi ħin, Portelli mar fil-vettura tiegħu, ġab l-envelope u tah lil Emanuel Cremona li qal li kien qed jagħmel ċajta. L-Envelope kien għadu siġillat.
Il-Gozo Channel m’għamlet l-ebda rapport u l-pulizija fetħet investigazzjoni wara li l-inċident kien żvelat fil-media. Il-Qorti nnutat li l-Gozo Channel ma’ kellha ebda intenzjoni li tagħmel rapport lill-pulizija u skont iċ-Chairman Joe Cordina, saret investigazzjoni interna u l-każ kien meqjus magħluq, sakemm ħareġ fil-beraħ permezz tal-media.
Fix-xhieda tiegħu, l-istess Joe Cordina qal li dan l-inċident kien “ċajta goffa” u jemmen li kienet kwistjoni ta’ dixxiplina interna.
“Bir-rispett kollu lejn iċ-Chairman, mhux il-kompetenza tiegħu li jiddeċiedi x’inhuma atti kriminali”, irrimarka l-Maġistrat Mifsud.
Il-Qorti qalet li filwaqt li l-akkużat dejjem sostna li kien qed jiċċajta, l-azzjoni tiegħu ma ssibx ġustifikazzjoni. Il-fatt li l-envelope ittieħed u tpoġġa fil-karozza tal-akkużat, dan jikkostitwixxi r-reat ta’ serq. “L-akkużat ma kellu ebda raġuni biex jieħu l-flus u jaħbihom fil-karozza tiegħu”.
//= $special ?>


 
  
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		