Il-Ministru Joe Mizzi – li bħalissa jinsab fiċ-ċentru ta’ kritika qawwija minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni għall-problema tat-traffiku – qed jiddefendi b’mod assolut lill-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta. Ix-xahar li għadda ġie żvelat li James Piscopo – li minn Transport Malta għandu paga ta’ 85,000 fis-sena – irreġistra kumpanija privata biex tiprovdi servizzi ta’ konsulenza. Xi ħaġa li ġiet deskritta bħala kunflitt ta’ interess.
Madanakollu, Joe Mizzi qal li ma jara ebda problema li James Piscopo jagħmel in-negozju privat tiegħu.
FIl-kariga tiegħu tat-tmexxija ta’ Transport Malta, l-eks Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista James Piscopo hu nkarigat minn kuntratti kbar ta’ miljuni ta’ ewro. Madanakollu, Joe Mizzi staqsa lill-ġurnalisti li għamlulu l-mistoqsijiet għalfejn jinsabu sorpriżi.
Il-kumpanija ta’ James Piscopo – rreġistrata fi Frar li għadda – kienet irreġistrata mill-accountant Robert Borg – li hu l-kontrollur finanzjarju tal-General Workers’ Union kif ukoll kien u għadu involut f’diversi entitajiet pubbliċi – fosthom Company Secretarju ta’ Transport Malta. L-indirizz ta’ din il-kumpanija huwa t-torrijiet ta’ ħdejn iċ-Ċimiterju tal-Addolorata – proprju fejn hemm l-uffiċini l-ġodda ta’ Transport Malta, u li huma mikrija mill-General Workers’ Union għas-somma ta’ €500,000 fis-sena.
netnews.com.mt, fl-aħħar ġimgħat, ippubblika diversi ritratti tal-kundizzjoni li qed ikollhom jaħdmu fiha l-ħaddiema ta’ Transport Malta f’dawn it-torrijiet fil-Marsa. Dan minbarra l-fatt li mhumiex aċċessibbli kif għandu jkun – tant li ħaddiem ta’ Transport Malta spiċċa mtajjar hu u qed jaqsam għall-post tax-xogħol – u kellu jagħmel xi ġranet fit-Taqsima tal-Kura Intensiva tal-Isptar Mater Dei.
//= $special ?>