Il-prezzijiet taż-żejt reġgħu naqsu bl-aħbar li l-Libja u l-Iran komplew iżidu l-produzzjoni. L-iżviluppi jidhru li affettwaw il-ftehim tal-OPEC li kien intlaħaq il-ġimgħa l-oħra bil-ħsieb li l-pajjiżi membri jiffriżaw il-livell tal-produzzjoni ħalli l-valur taż-żejt ma jonqosx.
Il-prezz taż-żejt, kif indikat mill-Brent Crude, ilbieraħ deher li naqas bi 22 ċenteżmu għal ftit aktar minn $50 il-barmil, bl-istatistika mill-West Texas Intermediate (WTI) tindika li l-prezz naqas b’24 ċenteżmu għal $48.57 il-barmil.
Analisti mal-PVM Oil Associates, f’Londra, qalu li l-aħħar telf fis-settur m’għandux jittieħed b’sorpriża meta l-produzzjoni taż-żejt mil-Libja ħadet spinta waqt li żdiedet l-esportazzjoni taż-żejt mill-Iran. Fiċ-ċirkustanzi wieħed irid iqis ukoll is-saħħa preżenti tad-dollaru Amerikan.
Intant, l-Iran kompla jagħti s-sinjali li jrid iżid il-produzzjoni taż-żejt meta ffirma l-ewwel kuntratt ‘ġdid’ ma’ kumpanija domestika għal titjib fl-infrastruttura ta’ żewġ zoni partikulari li jipproduċu r-riżors.
//= $special ?>