Kuntistabbli tal-Pulizija li kien fuq vaganza beda l-azzjoni tal-pulizija li wasslet sabiex ikunu arrestati mara Maltija u żewġt irġiel Niġerjan u jitressqu l-Qorti akkużati fost oħrajn b’importazzjoni ta’ 4 kilogramma kannabis minn Sqallija.
Il-Kuntistabbli illum xehed waqt il-kumpilazzjoni fil-każ kontra Rita Scicluna ta’ 41 sena minn Ħal Luqa u Osaro Osarenkhoe ta’ 27 sena li joqgħod Sqallija. Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri.
Il-kuntistabbli qal li hu kien qiegħed f’vaganza fi Sqallija meta ra karozza tat-tip Toyota Vitz f’Pozzallo misjuqa mill-akkużata u b’raġel ta’ nisel Afrikan li kien passiġġier, b’dan tal-aħħar ikun persuna li kienet osservata mill-pulzija. Immedjatament hu ċempel lis-CID f’Malta minħabba li Osaro hu suspettat li qed jittraffika d-droga.
Hemmhekk hu osserva lin-Niġerjan joħroġ basket mill-bagoll tal-karozza u tela’ fuq il-katamaran bil-pass filwaqt li Scicluna telgħet abbord bil-vettura tagħha. Jistenniehom f’Malta barra t-terminal f’Malta kien hemm Niġerjan ieħor Nicholas Obaseki, li hu miżżewweġ lil Rita Scicluna f’vettur BMW bi pjanċi Ingliżi.
It-tlieta li huma kienu arrestati u minn tfittxija li saret, instabu żewġ basktijiet tal-plastik li kien fihom id-droga fil-kompartiment tal-magna tal-karozza Toyota Vitz. Tfittxija oħra fir-residenza ta’ Scicluna u Obaseki irriżultat fi traċċi ta’ droga u crusher li jintuża fil-preparazzjoni tad-droga.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Gabriel Micallef. L-Avukati Albert Zerafa u Josette Sultana qed jidhru għal Rita Scicluna u Nicholas Obaseki filwaqt li l-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia qed jassistu lil Osaro Osarenkhoe
//= $special ?>


 
  
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		 
		