L-eks-Segretarju tal-Istat Amerikan, Hillary Clinton, li qed tikkuntesta għall-Presidenza tal-Istati Uniti bħala kandidat tal-Partit Demokratiku, attakkat lir-rivali Repubblikan Donald Trump bħala ‘simbolu ta’ sistema bbażata fuq tbagħbis’. Dan wara li sar magħruf li Trump seta’ ma ħallasx it-taxxa fuq id-dħul personali għal xejn anqas minn 18-il sena.
Clinton, li kienet għaddejja bil-kampanja tagħha f’Ohio, qalet li ‘għal Trump, l-ewwel jiġi hu, imbagħad, forsi, ikun imiss lil ħaddieħor’. Dan wara li fi tmiem il-ġimgħa, il-gazzetta New York Times sostniet li l-kandidat Repubblikan għall-White House seta’ evita li jħallas it-taxxa ‘minħabba li kien tilef mal-biljun dollaru fl-1995’.
Min-naħa tiegħu, Trump insista li rnexxielu ‘jinnaviga b’mod brillanti’ is-sistema tat-taxxa kkumplikata biex jiffranka l-ħlas bil-mezzi legali. Donald Trump saħaq li hu ‘sfrutta legalment il-liġijiet tat-taxxa għall-benefiċċju tiegħu u tal-kumpanija tiegħu’.
Iżda Hillary Clinton qalet li Trump qed joħroġ bħala ‘ipokrita’ wara li ppreżenta lilu nnifsu bħala kandidat għall-bidla li se jirriforma s-sistema favur il-ħaddiema.
“Filwaqt li miljuni ta’ familji Amerikani qed jaħdmu u jħallsu t-taxxa, jidher li Trump ma kien qed jikkontribwixxi xejn, u dan ifisser li hu jirrappreżenta lill-istess sistema mbagħbsa li hu stess qed jgħid li jrid jibdel,” kompliet Clinton.
Il-kwistjoni dwar it-taxxa mistennija tkompli matul il-lejl, waqt dibattitu, f’Virginia, bejn il-Gvernatur Repubblikan Mike Pence u d-Demokratiku Tim Kaine li huma s-sieħba (running mates) rispettivi ta’ Trump u Clinton.
Sadanittant, Trump ilu ġimgħa b’dahru mal-ħajt mindu ħareġ ħażin mill-ewwel dibattitu Presidenzjali ma’ Hillary Clinton.
L-aħħar stħarriġ tas-CNN/ORC wera li Clinton għamlet gwadann sinifikanti minn dan id-dibattitu, meta hi issa għandha vantaġġ ta’ ħames punti perċentwali fuq ir-rivali Repubblikan fuq livell nazzjonali. Dan meta qrib il-75 fil-mija tal-Amerikani li ħadu sehem fl-aħħar stħarriġ qalu li Donald Trump għandu jiżvela d-dettalji tat-taxxa tiegħu.
//= $special ?>