Lokali

Sodisfazzjon mill-IĠM għad-dekriminalizzazzjoni tal-libell kriminali

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) innotat bi pjaċir l-aħbar li kkomunika l-Ministeru tal-Ġustizzja, li t-Tnejn li ġej se jiskatta l-proċess quddiem il-Parlament ħalli jiġi dekriminalizzat il-libell kriminali.

Fi stqarrija, l-IĠM fakkar ukoll li dan il-pass wasal wara kampanja twila mifruxa fuq snin ta’ ħidma u pressjoni li ilu jwettaq l-Istitut.

Iċ-Chairman tal-IĠM Karl Wright appella liż-żewġ naħat tal-Kamra biex jiftehmu ħalli dan l-Abbozz ta’ Liġi jiġi approvat mill-istadji kollha tal-Parlament u jidħol fis-seħħ bla aktar dewmien.

L-IĠM wiegħed li se jkun qed isegwi mill-qrib l-istadji kollha li matulhom se jkun qed jiġi diskuss dan l-Abbozz ta’ Liġi, filwaqt li jirriafferma d-disponibbiltà tiegħu li jerġa’ jiltaqa’ maż-żewġ naħat tal-Kamra kif għamel fl-aħħar żmien.