Lokali

It-tanker tal-gass f’Malta fi tmiem il-ġimgħa

It-tanker tal-gass tal-Power Station il-ġdida – f’nofs kontroversja dwar jekk pajjiżna għandux bżonnha jew le, minbarra affarijiet oħra – mistenni jasal f’Malta fi tmiem din il-ġimgħa. Skont The Times, dan għandu jasal Malta nhar is-Sibt, għalkemm sorsi oħra li tkellmu ma’ netnews.com.mt, ma eskludewx li jista’ jkun li t-tanker jidħol f’pajjiżna l-Ħadd. Dan jiddependi mill-maltemp li jista’ jiffaċċja pajjiżna f’dawn il-jiem.

The Times qed tiżvela wkoll li minkejja li l-vapur hu antik aktar minn 25 sena ilu, l-awtoritajiet Maltin xorta waħda għażlu li jirreġistrawh. Dan minkejja li mhix il-prassi li r-reġistru Malti jaċċetta vapuri li jkunu ta’ ċertu età.

It-tanker – kbir daqs tliet grawnds tal-futbol – se jkun qed jaħżen u jiprovdi l-gass għall-Power Station il-ġdida li suppost bdiet taħdem f’Marzu 2015 – jiġifieri 19-il xahar ilu. Transport Malta ddefendiet il-fatt li rreġistrat it-tanker li kien jintuża fil-Ġappun biex ikun iwassal il-gass LNG. It-tanker ġie kkonvertit fis-Singapore wara ftehim li sar bejn is-sidien tat-tanker – Bumi Armada – u l-konsorzju li ntgħażel mill-Gvern Malti biex jibni l-Power Station il-ġdida. Ftehim ta’ 18-il sena.
Il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li l-pajjiż m’għandux bżonn kemm it-tanker kif ukoll il-Power Station. U dan peress li ma jagħmilx sens li l-Gvern Malti jintrabat li jixtri l-elettriku tal-Power Station għal 18-il sena sħaħ meta hu irħas mill-interconnector. Fil-fatt, il-Ħadd li għadda f’Għawdex, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil iddeskriva dan it-tanker bħala l-monument tal-korruzzjoni.

Kemm dwar il-Power Station kif ukoll dwar it-tanker, il-Gvern għadu ma ppubblika ebda kuntratt, tant li l-Kummissjoni Ewropea saħansitra qed tinvestiga s-Security of Supply Agreement. Il-ġimgħa li għaddiet ġie żvelat ukoll li l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi għadha lanqas bdiet il-konsultazzjoni pubblika dwar il-permess li jrid jinħareġ biex il-Power Station tibda taħdem.