L-awtoritajiet fit-Turkija ssospendew kważi 13,000 uffiċjal tal-pulizija għal allegati rabtiet mar-reliġjuż Musulman, Fethullah Gulen, li qed jgħix f’eżilju fl-Istati Uniti. Aktar minn 2,500 tal-uffiċjali sospiżi kienu ‘kapijiet’, bl-aħbar tingħata sigħat wara li l-Gvern Tork ħabbar li l-istat tal-emerġenza li kien impost wara l-kolp ta’ stat fallut ta’ Lulju se jkun estiż bi tliet xhur, ladarba jiskadi fid-19 ta’ Ottubru.
L-istat tal-emerġenza jippermetti biex il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan u l-Kabinett tiegħu effettivament imexxu bis-saħħa tad-digriet. Dan jippermettilhom li jgħaddu l-liġijiet ġodda mingħajr konsultazzjoni mal-Parlament, b’Erdogan u ċ-ċirku ‘ta’ ġewwa’ anki jistgħu jillimitaw jew jissospendu d-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi.
L-aħħar mewġa ta’ pulizija sospiżi hi separata mill-100,000 (jew aktar) ħaddiema tal-Gvern li kienu tkeċċew jew sfaw sospiżi b’riżultat tal-aħħar kolp ta’ stat fallut.
Fethullah Gulen, eksalleat ta’ Erdogan, għadu jiċħad l-akkużi tal-Gvern li kien wara dak il-kolp ta’ stat. Intant, il-Gvern Tork ċaħad li qed juża l-kolp ta’ stat bħala skuża biex jeħles mill-avversarji politiċi, meta ilu jitlob biex l-Istati Uniti testradixxi lil Gulen.
Intant, hemm biża’ li l-hekk imsejħa avversarji ta’ Erdogan fit-Turkija qed jinġabru mill-pulizija bi ftit ċans li juru l-innoċenza tagħhom. Dan minħabba l-istat ta’ emerġenza attwali f’pajjiż fejn anki qed tintilef l-indipendenza ġudizzjarja.
//= $special ?>