BLOGS

Żewġ avvenimenti li ħassbuni ħafna!

Preżenza massiċċa mmexxija mill-Ministru tal-Ġustizzja fil-Qorti:
Nhar it-Tnejn 26 ta’ Settembru, fil-Qorti kellhom isiru t-trattattivi tal-appell magħmul mill-Partit Laburista kontra s-sentenza li ngħatat mill-istess Qorti biex il-Partit Nazzjonalista jingħata żewġ siġġijiet oħra fil-Parlament, liema żewġ siġġijiet kienu mċaħħda lilu bi żball waqt l-għadd tal-voti fl-aħħar elezzjoni ġenerali.
Din kienet seduta preseduta minn tliet imħallfin li fiha ż-żewġ partijiet riedu jressqu r-raġunijiet tagħhom; il-Partit Laburista biex jgħid għaliex hu jsostni li m’għandhiex tiġi onorata s-sentenza mogħtija, waqt li l-Partit Nazzjonalista jirribatti r-raġunijiet għaliex dik is-sentenza għandha tiġi mwettqa kif mogħtija mill-Qorti ftit ġimgħat qabel u ċioè li hu għandu jingħata żewġ membri parlamentari li bi żball kienu mċaħħda lilu.
Għal din is-seduta, ovvjament attendew dawk il-persuni involuti direttament fil-każ miż-żewġ partiti politiċi. Imma din id-darba l-Partit Laburista deherlu li apparti dawk tas-soltu, għandu jibgħat ukoll għal din is-seduta, mhux anqas minn għaxar Ministri u Segretarji Parlamentari biex ikunu hemm fl-awla tal-qorti faċċata tat-tliet imħallfin li minnhom qed jinstema’ dan l-appell.
Din hi xi ħaġa li mhux normalment issir, aktar u aktar mill-Ministri li tant ikunu mħabbtin bix-xogħol tal-ministeri rispettivi tagħhom. Taf min ma marx il-Qorti? Il-ministru li m’għandu l-ebda ministeru assenjat lilu, dak ta’ bla portafol. Dak ma marx. Probabbli li dan kien imħabbat ħafna jipprova jsegwi l-vjaġġ tat-tanker tal-gass li jinsab fi triqtu lejn Malta, li ma jsibx xi intopp u jkollu jiddawwar xi ftit tal-ġranet oħra.
Din tal-Ministri hi manuvra ta’ intimidazzjoni ċara u diretta lejn l-awtorità ġudizzjarja, l-aktar bil-preżenza tal-Ministru tal-Ġustizzja nnifsu Owen Bonnici, li hu l-persuna li jaħtar kemm lill-Maġistrati kif ukoll lill-Imħallfin f’pajjiżna.
Għalija l-preżenza ta’ dawn is-sinjuri fil-każ kostituzzjonali hu theddida ċara għas-separazzjoni tal-poter f’pajjizna. L-Eżekuttiv ried jintimida l-Ġuridiku.

Aħna nafu li mhux darba u tnejn li Ministri bagħtu avukati jidhru għalihom biex jiffrankaw li jmorru l-Qorti għal ċertu ħinijiet. Imbagħad f’ħaġa bħal din li diġà l-Qorti tat il-verdett tagħha dwarha, issa fl-appell jattendu mhux ministru wieħed imma għaxra. Ara, li kien hemm dawk involuti hu aċċettabbli, imma l-oħrajn m’hemm l-ebda raġuni għal xiex ikunu hemm.
Wara kollox jiġri x’jiġri l-ebda Ministru u l-ebda Membru Parlamentari Laburista mhu se jitlef postu. L-unika ħaġa li tista’ tiġri u li għandha tiġri hi, li ssir ġustizzja mal-Partit Nazzjonalista u jingħata lura dak li kien misruq lilu – żewġ siġġijiet oħra mogħtija lilu kif espressa mill-volontà tal-poplu Malti u Għawdxi.
Is-7 ta’ Novembru li ġej hi l-ġurnata li fiha hu mistenni li tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Appell. Aħna, kif qal Simon Busuttil, għandna fiduċja sħiħa fil-qrati tagħna li fil-maġġoranza kbira tal-kawżi dejjem imxew b’ġustizzja u mingħajr biża’ jew indħil ta’ ħadd, u nemmen li hekk ukoll se jsir din id-darba.
B’hekk tkun seħħet ġustizzja mal-Partit Nazzjonalista avolja tard u avolja xejn mhu se jinbidel fis-sustanza, imma din tibqa’ mniżżla fl-istorja politika ta’ pajjiżna u tal-Partit Nazzjonalista b’mod partikulari.

L-Arċisqof (u l-Knisja) m’għandhomx dritt li jitkellmu fuq il-politika?
Waqt il-quddiesa ta’ radd il-ħajr li saret fil-Konkatidral ta’ San Ġwann il-Belt Valletta, fl-okkażjoni tat-52 anniversarju tal-Indipendenza ta’ pajjiżna, Monsinjur Arċisqof Charles Scicluna tkellem b’mod kalm imma b’tagħrif dettaljat, preċiż u iebes, dwar kif għandha tkun governanza tajba u nadifa.
Kif kien mistenni, dakinhar u anki l-għada, il-mezzi tal-aħbarijiet kollha jew kważi kollha, irrappurtaw bi prominenza dan id-diskors ċar, mimli tagħlim ta’ Monsinjur Scicluna.
Hu ovvju li l-aktar li laqat fil-laħam il-ħaj huma l-politiċi tagħna u b’mod partikulari lill-Gvern tal-ġurnata li preżentament qed jiggverna tul din il-leġiżlatura ta’ ħames snin li minnhom diġà għaddew aktar minn tliet snin.
Kienu bosta l-kummenti u l-verżjonijiet li ntqalu dwar dan id-diskors tal-Arċisqof. Kien hemm min għoġbu bi sħiħ, tant li kkongratula lill-Monsinjur Scicluna għalih (u minn dawn kien hemm mhux ftit), waqt li kien hemm oħrajn li ma tantx niżlilhom, waqt li oħrajn iddeskrivewh bħala ‘indħil mhux floku’.
Irridu niftakru li Monsinjur Arċisqof hu l-ewwel u qabel kollox ċittadin normali bħal ħaddieħor. Dan il-fatt jagħtih id-dritt kollu li jesprimi ruħu b’mod l-aktar liberu u ħieles. Aktar minn hekk Monsinjur Scicluna hu r-Ragħaj Spiritwali tal-komunità Kattolika Nisranija ta’ pajjiżna, li sal-lum hi r-Reliġjon dikjarata ta’ dan il-pajjiż tagħna.
Hawn l-Arċisqof mhux biss għandu d-dritt, iżda wkoll id-dmir li jagħti gwida lill-merħla fdata lilu mis-Santa Sede. Ikun nuqqas serju għal Monsinjur Scicluna li kieku ma jagħmilx dan, għax ikun qed jonqos gravament mit-twettieq tal-missjoni tiegħu, l-aktar fejn jidħlu l-prinċipji u valuri nsara fost il-poplu t’Alla u fil-kors tal-ħajja tagħna ta’ kuljum.
Wara kollox, dak li qal l-Arċisqof jgħodd għall-politiċi kollha, lokali u barranin, almenu għal dawk li jeżistu f’pajjiżi li jsejħu lilhom infushom liberi, demokratiċi u sovrana.

X’qal Mons. Scicluna li mhux sewwa u mistenni u mixtieq minn kulħadd? Is-sewwa, it-trasparenza, l-akkontabbiltà, l-ugwaljanza, il-ħaqq u l-meritokrazija huma lkoll valuri u prinċipji li wieħed jistenna li jsib f’governanza tajba, sana, u li tirrendi.
Governanza tajba tara li l-ġid komuni jitqassam b’mod ekwu u tara li ma jitħallewx barra dawk il-faxex tas-soċjetà li huma kkunsidrati bħala l-aktar vulnerabbli u batuti f’kull sens wiesa’ tal-kelma.
Issib min jgħid li r-religjon m’għandix tidħol fil-politika. Jien nistaqsi; ir-reliġjon tidħol fil-ħajja taċ-ċittadin? Tipprova tgħinu jgħix ħajja mill-aħjar li jista’ billi tgħallmu jħobb lil għajru, ikun solidali miegħu, jagħtih daqqa t’id fejn jara l-bżonn u jaqsam miegħu minn dak li jkollu, jekk iħoss dan il-bżonn?

Mhux din hi r-reliġjon tagħna? Jekk allura l-ħajja tagħna hi minsuġa u magħġuna fir-reliġjon li ħallewlna missirijietna, jekk mill-banda l-oħra l-politika hi dik il-forza li tiddetermina u tmexxi l-kors ta’ ħajjitna, kif allura r-reliġjon m’għandiex tidħol fil-politika, meta ħajjitna tiddependi u hi mibnija fuq it-tnejn?
Mela ejja ma ngħidux ċuċati u ma nkunux daqstant sensittivi li nieħdu għalina ma’ kull kelma li ma ddoqqilniex għal widnejna. Għandna għax nirringrazzjaw ’l Alla tar-rigal li tagħna fil-persuna ta’ Monsinjur Arċisqof Scicluna, li ma jabdikax mid-dmirijiet u l-obbligi tiegħu ta’ ragħaj, u jkun ċar f’dak li jgħid, bla ħafna dubji u tidwir mal-lewża.
Nappella lill-politiċi kollha biex jieħdu nota ta’ dak id-diskors, li ħafna minnu smajnieh ukoll mill-Q.T. il-Papa Ġwanni Pawlu II kif ukoll mill-Papa preżenti, u jaraw li t-tmexxija governattiva tagħhom tkun dejjem taqbel ma’ dik il-governanza ddikjarata u mfissra tant tajjeb minn Monsinjur Arċisqof Scicluna.

Grazzi Monsinjur Scicluna, u prosit tassew!