Lokali

Dewmien għal titjiriet tal-Air Malta minħabba t-traffiku fit-toroq Maltin

It-traffiku fit-toroq Maltin issa spiċċa laqat ukoll l-ajru ta’ Malta, hekk kif dalgħodu wassal biex żewġ titjiriet tal-Air Malta kellhom saħansitra jitilqu tard.

NETnews.com.mt jinsab infurmat li kawża tat-traffiku qawwi li anke dalgħodu laqat lit-toroq Maltin, membri tal-ekwipaġġ tal-Air Malta spiċċaw waslu tard fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Kawża ta’ dan, it-titjiriet tal-linja nazzjonali tal-ajru lejn Munich (skedata għad-8.45am) u lejn Amsterdam (skedata għat-7.40am) spiċċaw ħallew pajjiżna tard.

Il-persuni li tkellmu ma’ NETnews.com.mt qalu li kien inevitabbli d-diżappunt għall-passiġġieri li tħallew jistennew qabel ma setgħu jitilgħu abbord l-ajruplan mingħajr ma ġew infurmati x’inhu jiġri.

Fil-fatt, mill-informazzjoni li għandna, ir-rappreżentanti tal-kumpanija ħassewhom skomdi jgħidu lill-passiġġieri l-vera raġuni tad-dewmien.

Madankollu, jidher ċar li issa t-traffiku fit-toroq jaf iħallik tistenna wkoll milli ssiefer!