Jammetti li Chris Said qatt ma pprova jinfluwenzah fil-ħidma tiegħu u li jiddispjaċih jekk intefa’ xi dell fuq l-integrità tiegħu
Il-Viċi-Sindku Laburista tal-Qala rtira fil-Qorti kliem li kien qal fil-konfront ta’ Chris Said waqt il-programm ‘Tagħna Lkoll’ fuq Radio 101 tal-11 ta’ Lulju 2016 fejn il-Viċi-Sindku Laburista tal-Qala Paul Buttigieg waqt telefonata allega li s-Shadow Minister għal Għawdex offrielu xogħol mal-Gvern biex jixtrih u jinfluwenzah milli jkompli jaħdem kontra l-proġett ta’ Ħondoq ir-Rummien. Fil-gazzetta ILLUM ta’ ftit ġranet qabel, l-istess Paul Buttigieg kien diġà għamel allegazzjoni simili mingħajr ma semma ismijiet.
L-għada stess 12 ta’ Lulju s-Shadow Minister Chris Said tkellem fil-programm ‘Taghna Lkoll’ fuq Radio 101 fejn sostna li din hija invenzjoni u gidba u li hu qatt ma offra xi mpjieg jew ipprova jinfluwenza b’ xi mod lill-Viċi-Sindku tal-Qala. F’dak il-programm Chris Said kien qal ukoll li dakinhar stess kien għamel libell lil Paul Buttigieg għaliex dak li kien qal huwa gibda u malafamanti għall-aħħar.
Il-libell kellu l-ewwel dehra quddiem il-Qorti ta’ Għawdex preseduta mill-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri it-Tlieta 4 ta’ Ottubru 2016. Paul Buttigieg kellu jassistieh lil Prokuratur Legali u ex Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit.
Malli beda jigi trattat il-każ u qabel bdew jinstemgħu l-provi, Paul Buttigieg, il-Viċi-Sindku Laburista tal-Qala, għamel dikjarazzjoni li fiha qal li Chris Said qatt ma pprova b’xi mod jixtrih jew jinfluwenzah fil-ħidma tiegħu kontra l-proġett ta’ Ħondoq u għalhekk jiddikjara li jiddispjaċih jekk kien hemm xi malintiz u ntefa’ xi dell fuq l-integrità ta’ Chris Said.
Chris Said aċċetta din id-dikjarazzjoni li turi li dak li pprova jallega Paul Buttigieg fil-programm ‘Tagħna Lkoll’ fuq Radio 101 u fil-gazzetta ILLUM ftit ġranet qabel ma kienx minnu u irtira l-libel.
//= $special ?>

