Raġel ta’ 59 sena mill-Marsa sofra feriti gravi wara li waqa’ minn għoli ta’ madwar sular għax ċediet l-art bih.
Il-każ seħħ għall-ħabta tad-9.15am fi Triq Sant’Antnin f’Ħal Balzan, meta r-raġel kien qed jagħmel spezzjoni ta’ ħsarat li żviluppaw f’residenza l-Ħadd li għadda.
Waqt il-ħidma ta’ dalgħodu, jirriżulta li ċediet l-art bir-raġel fuqha u kawża ta’ dan, hu waqa’ minn għoli ta’ madwar sular għall-garaxx, li jinsab fil-livell mat-triq.
Minbarra l-Pulizija, fil-post issejjaħ tim mediku mill-Isptar Mater Dei, li ta l-ewwel għajnuna lir-raġel qabel ma ttieħed l-Isptar għal aktar kura.
Hemm hu kien iċċertifikat li qed isofri minn feriti gravi.
Il-Pulizija għadha qed tinvestiga l-każ.
//= $special ?>
