“Wasal iż-żmien li nwaqqfu din ir-rebgħa”. Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fuq Twitter wara li l-ġurnal In-Nazzjon żvela emails li jikkonfermaw kif Komori, rappreżentati f’Malta mill-Grupp Kasco ta’ Keith Schembri, għaddejjin bin-negozjati ma’ Crane Currency.
L-emails juru biċ-ċar li Crane qatt ma użat magni Komori u għalhekk, jekk tintgħażel, din tkun l-ewwel darba li se jiġu installati magni Komori f’impjant ta’ Crane Currency. Kien Phil Holland, Senior Sales Manager ta’ Komori fir-Renju Unit, li stqarr ma’ In-Nazzjon li Komori Corporation qatt ma ssupplixxiet makkinarju ta’ stampar tal-flus lil Crane Currency.
Sa mill-ġimgħa li għaddiet, nies qrib ħafna tal-industrija tal-istampar qalu li l-kumpanija Amerikana Crane Currency, ibbażata f’Boston, tuża’ magni tad-ditta Koenig & Bauer Group (KBA). Dan ifisser li sal-lum, Crane tagħmel biss użu minn dawn il-magni Ġermaniżi għal xogħol ta’ stampar.
Bħal KBA, anke Komori hi kumpanija li tipproduċi dawn il-magni li jistampaw il-flus. Dawn il-fatti dwar KBA u Komori jindikaw li jekk Crane jagħżlu magni Komori għall-impjant tagħhom f’Malta, din tkun l-ewwel darba.
Kien f’Jum l-Indipendenza meta l-Prim Ministru Muscat ħabbar fl-Istati Uniti li Crane se tinvesti 100 miljun dollaru f’Malta, kif ukoll li fi żmien 18-il xahar se tkun qed topera minn fabbrika f’Ħal Far. Għal din iż-żjara, Muscat kien akkumpanjat minn Keith Schembri, li fi kliem il-Prim Ministru kien “strumentali” biex intlaħaq dan id-deal.
//= $special ?>