Festa tipika ddum erbat ijiem jew aktar. Il-knisja u l-villaġġ ikunu mżejna bid-dwal, bandalori u statwi tal-qaddisin imlewna b’kull kulur li jitpoġġew barra l-knisja u anki f’ċerti toroq. Issir parata mat-toroq bl-istatwa prinċipali li tirrappreżenta l-qaddis patrun tar-raħal u mużiċisti lokali jipprovdu appoġġ addizzjonali flimkien ma’ kor waqt quddiesa speċjali. B’dan il-ftit kliem niddeskrivi l-kelma festa.
Mill-banda l-oħra, il-festi Għawdxin huma mhux biss reliġjużi fin-natura imma mimlija gost u briju. Il-baned lokali jdoqqu marċijiet brijużi fit-toroq tar-raħal u filgħaxijiet il-logħob tan-nar jixegħlu s-smewwiet waqt li folol ta’ nies igawdu l-ispettaklu kif ukoll l-ikel tradizzjonali li jista’ jinxtara minn diversi tilari fit-triq.
Tradizzjoni li tmur lura għas-seklu 16, il-festa tar-raħal tkun żmien kemm għall-kontemplazzjoni spiritwali u kif ukoll għall-parroċċa kollha li tingħaqad flimkien b’sens qawwi ta’ koltivazzjoni ta’ appartenenza għall-komunità.
Għal ħafna rħula l-festa hi l-avveniment soċjali prinċipali tas-sena u dik il-ġimgħa ta’ festa hi r-riżultat ta’ xhur ta’ xogħol iebes minn voluntiera li jħossuhom kburin u sodisfatti tal-kontribut tagħhom għar-raħal fejn trabbew huma u probabbilment missirijiethom u li f’dan iż-żmien ikunu tant magħqudin li jħossuhom bħala familja waħda. Dan iż-żmien tas-sena joffri wkoll l-opportunità għall-emigranti Għawdxin li jirritornaw lejn darhom u anki jikkontribwixxu permezz ta’ donazzjonijiet sostanzjali għall-organizzazzjoni tal-festa.
Dawn iż-żminijiet tal-festi personalment iġegħluni nirrifletti fuq il-mod tal-bidla li saret u li bil-mod il-mod mingħajr kważi ħadd ma jinduna qed issir madwaru u fil-gżira t’Għawdex. Din il-festa ta’ darba fis-sena toffri ċans biex wieħed iħares lejn l-imgħoddi li aħna, kemm bħala bnedmin kif ukoll bħala komunità, għandna dik it-tendenza li tinsa. Illum il-ġurnata, id-dimensjoni soċjali u ekonomika sħiħa tal-gżira hi kompletament differenti.
Il-festa xorta toffri kombinazzjoni ta’ opportunità li fiha t-tradizzjoni u l-aspetti moderni tal-ħajja. Dan hu x-xenarju li Għawdex u l-Għawdxin għandhom isegwu… li aħna nibqgħu napprezzaw il-valur tal-identità tagħna bis-sens tagħna ta’ komunità għadu relattivament b’saħħtu. Dan jista’ jkun ukoll appoġġjat bl-avvanz teknoloġiku definit u adegwat. Teknoloġija u t-tradizzjonijiet mhux bilfors jeskludu lil xulxin, u flimkien dawn jistgħu jintużaw biex jintroduċu niċċa għal ekosistema ta’ start-ups ibbażati f’Għawdex.
L-irħula tagħna għadhom joffru dimensjoni distinta. Madankollu, wieħed ma jistax jiċħad li l-prospetti tagħna nbidlu. Iż-żgħażagħ Għawdxin qed ikollhom ħsieb u fehmiet globalizzati, inqas iċċentrata fuq l-identità rurali ta’ Għawdex. Dawn il-fehmiet globalizzati taż-żgħażagħ Għawdxin għandhom ikunu riflessi f’’Għawdex; ikunu aktar konnessi mad-dinja globali permezz tal-investiment ta’ cable tal-fibra ottika u ajruport f’Għawdex.
L-iżvilupp ta’ Għawdex għandu jkun aktar fuq in-natura intrinsika ta’ kif l-Għawdxin jgħixu l-ħajja tagħhom ta’ kuljum u l-isfidi li jkollhom jiffaċċjaw. Dan għandu jkun madwar il-wesgħa tal-komunità u r-rwol ċentrali li l-irħula għad għadhom fil-ħajja tal-maġġoranza tar-residenti Għawdxin. Apprazzament li jista’ jinħass b’mod qawwi mill-immigranti li ddeċidew li jinvestu f’Għawdex bħala t-tieni dar tagħhom.
Hu f’dan il-kuntest li Għawdex jeħtieġ ikompli jaħdem biex itejjeb l-identità tiegħu, u b’hekk l-Għawdxin xorta jirnexxilhom ikomplu jiksbu żvilupp u tkabbir ekonomiku.
Għawdex jista’ jżomm din il-karatteristika rurali naturali u fl-istess waqt ikun modern diġitalment u teknoloġikament waqt li jitrawwem ambjent naturali u soċjetà sostenibbli.
//= $special ?>