It-tanker tal-gass, b’kobor daqs tliet grounds tal-futbol, daħal fil-baħar Mediterran, skont informazzjoni mgħotija mis-sit Marine Traffic.
It-tanker tal-gass ‘Armada LNG Mediterrana’ se jkun qed jintuża bħala ‘floating storage unit’ biex jissuplixxi l-gass lill-powerstation li qed tinbena mill-Electrogas – il-konsorzju li ntgħażel mill-Gvern biex jibni l-powerstation, li għaliha qed jagħmel tajjeb il-poplu b’garanzija bankarja ta’ aktar minn €360 miljuni.
It-tanker tal-gass se jkun ankrat f’nofs il-bajja ta’ Marsaxlokk, b’periklu għar-residenti ta’ Marsaxlokk u ż-żoni tal-madwar. Aktar minn xahar ilu, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien f’Singapore biex jinawgura dan it-tanker.
It-tanker tal-gass, li sa’ ftit ilu kien jismu ‘Wakaba Maru’ (u rreġistrat fil-Bahamas), huwa propjetà tal-kumpanija ‘Armada Floating Gas Storage Malta Limited’.
Fil-ġimgħat li għaddew ħarġu diversi stejjer dwar dan it-tanker, fosthom dwar il-fatt li dan it-tanker inbena aktar minn 30 sena ilu – b’dubju dwar il-mod kif ġie rreġistrat. Dan minkejja li mhix prassi li r-reġistru Malti jaċċetta vapuri li jkunu ta’ ċertu età.
Intant, il-Gvern intrabat li jixtri l-elettriku mill-powerstation tal-gass għal 18-il sena sħaħ, anke jekk dan il-ftehim mal-konsorzju Electrogas għadu ma ġiex approvat mill-Kummissjoni Ewropea.