Kultura Lokali

It-Teatru Aurora jiċċelebra l-40 anniversarju tiegħu

Il-Bank of Valletta se jkun qed jappoġġja l-opra l-kbira ta’ Bizet, Carmen, fit-Teatru Aurora. Dan tħabbar matul konferenza stampa li kienet indirizzata mis-Sur Mario Mallia, il-Kap Eżekuttiv tal-Bank, Dr Michael Caruana, il-President tas-Soċjetà Filarmonika Leone u l-Uffiċjal tal-PR u l-Avvenimenti fit-Teatru Aurora, is-Sur Matthew Sultana.

Is-Sur Mallia qal, “Fost impenji artistiċi u kulturali oħra, il-Bank of Valletta ilu jappoġġja avvenimenti operistiċi lokali għal deċennji sħaħ, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Sena wara l-oħra, rajna dawn il-produzzjonijiet jikbru, u avvenimenti bħal din il-grand opra naqqxu għalihom infushom post permanenti fil-kalendarju kulturali tal-gżejjer tagħna. Bla dubju, dan jagħtina sodisfazzjon kbir hekk kif naraw l-apprezzament jikber għall-istandard għoli li qed jiksbu l-produzzjonijiet lokali.” Huwa kkonkluda l-intervent tiegħu billi rringrazzja lit-Teatru Aurora għall-impenn tagħhom, u enfasizza l-kontribuzzjoni imprezzabbli tal-mijiet ta’ voluntiera li jagħmlu dawn il-proġetti possibbli.

Filwaqt li rringrazzja lis-Sur Mallia, Dr Caruana enfasizza li t-Teatru Aurora din is-sena se jkun qed ifakkar l-istaġun tal-40 anniversarju tiegħu bl-aktar opra favorita ta’ kull żmien ta’ Bizet, Carmen. “Din hija l-aktar opra li għamlet suċċess f’termini ta’ bejgħ kummerċjali, li, għal dawn l-aħħar erba’ deċennji ttellgħet erba’ darbiet fl-Aurora nnifsu. Fil-fatt, din se tkun ir-raba’ Carmen fl-Aurora, it-tielet waħda għal Colin Attard, it-tieni waħda f’sitt snin u l-ewwel waħda bi djalogu mitkellem, leali għall-ġeneru tal-opra komika kif maħsuba minn Bizet innifsu.”

“Adattata għal ftuħ ta’ ċelebrazzjoni, din il-produzzjoni ġdida ta’ Carmen se tkun qed tara djar tal-opra ewlenin minn madwar id-dinja jiltaqgħu f’Għawdex,” spjega s-Sur Sultana. Huwa kompla biex jintroduċi l-parteċipanti. Ir-rwol ewlieni ta’ Carmen se jiġi interpretat mill-mezzo-soprana mwielda l-Bulgarija, Nadia Krasteva. L-udjenzi raw il-Carmen ta’ Krasteva f’teatri tal-opra ewlenin madwar id-dinja kollha bħalma huma l-Vienna State Opera, l-Arena di Verona, it-Teatru Bolshoi, id-Deutsche Opera f’Berlin, in-National Opera Amsterdam, l-“O2 Arena” f’Hamburg, in-National Opera Riga, in-National Opera Sofia, il-Metropolitan ta’ New York u La Scala ta’ Milan. Hija se tkun akkompanjata mit-tenur Taljan ta’ klassi dinjija, Roberto De Biasio, li fost dehriet notevoli oħra għadu ġej minn suċċessi friski li kellu fil-MetOpera fi New York. L-Escamillo fl-Aurora se jkun ħadd inqas minn l-Escamillo stess ta’ La Scala – Marcin Bronikowski li kellu wirjiet ukoll fil-famuża Royal Opera House ta’ Covent Garden f’Londra. Il-kwartett prinċipali se jkun kompletat bis-soprana Taljana, li tidher li se tkun stilla emerġenti fl-opra, bl-isem ta’ Giuliana Gianfaldoni, imfakkra fost l-oħrajn għar-rwol diġà magħruf tagħha ta’ Adina ma’ Leo Nucci.

Il-Carmen ta’ Bizet tfisser lista ta’ parteċipanti estensiva bi kwartett sekondarju ulterjuri. Hawnhekk naraw lil Gabriele Ribis, Eduardo Santamaria, Lara Rotili u Madina Karbeli, li reċentement kellha l-parti ta’ Adina – ir-rwol ewlieni – fl-Elisir d’Amore fit-Teatru Manoel fil-Belt Valletta. Gianluca Breda u Francesco Baiocchi se jkunu qed jikkompletaw it-tim ta’ 10 solisti.

Din is-saħħa u l-konsistenza f’politika bla kompromessi fejn jidħlu l-parteċipanti hija fil-fatt ir-raġuni għala l-udjenzi jibqgħu jafdaw lill-Aurora tant li l-bejgħ tal-biljetti jkun ferm tajjeb anke qabel normalment jitħabbru l-parteċipanti. Carmen ta’ din is-sena, li se tittella’ nhar is-Sibt, 15 ta’ Ottubru fis-7:30pm, se tkun qed timmarka wkoll it-tnedija ta’ staġun speċjali tal-anniversarju – l-40 anniversarju tar-rinaxximent tal-opra f’Malta, bl-ewwel opra li qatt ittellgħet f’Għawdex tkun fl-Aurora fis-7 ta’ Jannar 1977. Baqa’ biss l-aħħar ftit postijiet għal nhar is-Sibt, 15 ta’ Ottubru. Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq: www.teatruaurora.com jew permezz tal-linja telefonika għall-għajnuna għall-biljetti 24/7 fuq 79045779.

Il-wirja tal-opra qed tiġi ssupplimentata b’taħdita dwar l-opra fil-ħin ta’ nofsinhar u b’daqq ta’ mużika fil-jum tal-opra, vin d’honneur matul l-intervall, trasport shuttle bla ħlas f’Għawdex u arranġamenti għall-ikla ta’ filgħaxija għal dawk li jattendu l-opra, li lkoll jistgħu jiġu aċċessati mingħand il-persunal tal-Aurora.

Carmen fl-Aurora qed tkun appoġġjata wkoll mill-Programm ta’ Appoġġ Kulturali għal Għawdex – inizjattiva konġunta bejn il-Kunsill Malti għall-Arti u l-Ministeru għal Għawdex.