L-interpretazzjoni tal-aħħar stħarriġ dwar id-differenzi bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista, jekk ikun interpretat b’analiżi oġġettiva, wieħed faċilment jinnota kemm il-Partit Nazzjonalista rnexxielu jirratifika distakk ta’ 36,000 fi żmien pjuttost qasir.
F’perijodu ta’ anqas minn erba’ snin, il-Partit Nazzjonalista qed jidher, aktar minn qatt qabel, bħala Oppożizzjoni li hi lesta biex tkun verament Gvern alternattiv: Gvern alternattiv li jkun dovut lill-poplu biex iservih, u mhux kif inhi d-drawwa llum taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat fejn il-klikka ta’ Kastilja tisserva bil-poplu li tah mandat b’saħħtu imma li issa donnu qed jisfuma fix-xejn.
Avvanz ta’ 4%
Tajjeb li ninnutaw, li fl-elezzjoniijiet tal-Parlament Ewropew tal-2014, il-Partit Laburista żamm l-istess perċentwali ta’ sena qabel, u allura rridu nirrikonoxxu li l-Partit Nazzjonalista kiseb dawn l-avvanzi li ħarġu fl-istħarriġ tal-Malta Today litteralment f’perijodu anqas minn dak li ġeneralment hu maħsub.
Għalhekk, hu ta’ sodisfazzjon li llum, il-poplu qed jinnota kif sensiela ta’ skandli b’allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni, qed iħallu effett fuq ir-reputazzjoni tal-Gvern li nħakem minn sfidi kontinwi biex irażżan l-idejn maħmuġa li hemm madwar il-mejda tal-poter f’Kastilja.
Għaldaqstant, ma tidhirx b’sorpriża li 6% ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni, issa qed isostnu li jivvutaw għall-Partit Nazzjonalista, għall-kuntrarju ta’ 2% perċentwal li jikkonferma żieda ta’ 4% għall-Partit immexxi minn Simon Busuttil.
Instabbilità governattiva
Imma rridu nanalizzaw lil hinn minn dawn il-perċentwali, biex l-istampa tkun aktar reali. Irridu ninnutaw kif ftit aktar minn 14% għadhom indeċiżi u allura t-3 punti li bihom il-Gvern qed jillidja, mhumiex konferma ta’ stabbilità imma huma biss konferma ta’ kemm il-Partit Laburista u Joseph Muscat qed kulma jmur inaqqsu fir-reputazzjoni tagħhom, irrispettivament ċerti miżuri li qed iħallu effett u impatt pożittiv fuq il-pajjiż, li fil-maġġoranza tagħhom huma kontinwazzjoni mill-amministrazzjoni preċedenti.
Għalhekk, it-traħħis miżeru tal-prezzijiet tal-petrol u d-diesel, is-suppost tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, iż-żidiet sostanzjali fit-turiżmu, it-tnaqqis fil-qgħad u t-tkabbir ekonomiku, mhumiex biss fatturi li n-nies tikkunsidra bi prijorità quddiem pereżempju l-problema kbira tat-traffiku, il-problemi evidenti fis-settur tas-saħħa, il-problemi ta’ housing soċjali, iż-żieda ta’ faqar li mill-aħħar stħarriġ jidher li eskala sewwa u, fuq kollox, il-korruzzjoni li hi sinonima ma’ Gvern li jinteressah isostni finanzjarjament lil tal-qalba u mhux lill-poplu.
Dan kollu, bla dubju jistona sewwa mal-proposti li qed kontinwament iressaq ’il quddiem il-Partit Nazzjonalista, li meta analizzati bir-reqqa, jistgħu jinġabru taħt frażi muftieħ: ġustizzja soċjali.
Il-ġustizzja soċjali
Il-ġustizzja soċjali tagħti lill-Maltin id-dritt li jieħdu dak li ħaqqhom fir-rigward tas-saħħa, bħall-mediċini meħtieġa kollha b’xejn għall-anzjani, bħall-kura għall-mard bħall-kanċer, għal aktar serjetà fil-mod ta’ kif jinħarġu l-appuntamenti fl-isptar, aktar dinjità lill-pazjenti, investiment sostenibbli biex is-servizz ikun tal-ogħla livell biex jitnaqqas id-dewmien, aktar faċilitajiet sportivi biex inkunu lkoll aktar attivi u negħlbu mard bħaz-zokkor u titnaqqas il-problema tal-obeżità.
Il-ġustizzja soċjali tagħti lill-Maltin żgħażagħ id-dritt li jkunu parteċipi fid-deċiżjonijiet elettorali billi jingħatalhom il-vot ta’ 16-il sena, alternattivi serji fir-rigward edukattiv biex ilkoll jirnexxu f’qasam jew ieħor, f’settur jew ieħor, garanzija ta’ tkabbir ekonomiku biex ikollhom opportunitajiet li jħabbtuha ma’ żgħażagħ Ewropej. Mhux biss, imma wkoll garanzija ta’ edukazzjoni ta’ kwalità bħalma hi n-norma taħt gvernijiet Nazzjonalisti.
Il-ġustizzja soċjali trodd lura lill-anzjani li taw ħafna mill-ġid tagħhom lis-soċjetà u allura ma jistgħux ikunu huma li jbatu l-faqar meta l-aktar huma vulnerabbli.
Il-ġustizzja soċjali teqred darba għal dejjem il-korruzzjoni billi tnissel sens ta’ awtonomija u awtorità serja fl-istituzzjonijiet indipendenti tal-pajjiż fejn min hu ħati għall-korruzzjoni, iħallas ta’ għemilu.
Minn issa ’l hemm
Simon Busuttil qed ikompli jikkonferma lilu nnifsu bħala Prim Ministru alternattiv li quddiemu għandu viżjoni ċara ta’ kif Malta tista’ tkun aħjar, biex fil-verità nkunu meritokratiċi, trasparenti u akkontabbli, u allura f’pajjiżna jkollna ġustizzja soċjali.
M’għandix dubju, li sa ma tasal l-elezzjoni ġenerali li jmiss, il-perċentwali jkomplu juru xi jrid il-poplu mill-Gvern tiegħu: il-ġustizzja soċjali li għandha xxejjen il-korruzzjoni.