“Il-vjaġġ sa’ issa kien twil u mimli tbatija” kitbet il-mara ta’ wieħed mill-vittmi li s-sena li għaddiet indarab serjament f’inċident waqt ‘Paqpaqli għall-Istrina’.
Ir-raġel ta’ Noreen Farruga ndarab f’Ottubru tas-sena li għaddiet meta kienet qed jattendi l-attività annwali ‘Paqpaqli’.
Dakinhar, karozza sportiva kienet tilfet il-kontroll u baqgħet dieħla għal fuq in-nies, bil-konsegwenza li ndarbu 26 persuna, f’wieħed mill-aktar inċidenti tal-massa gravi li qatt ġraw f’pajjiżna.
Filmat: L-ewwel sekondi wara l-ħabta f’Paqpaqli
Fuq Facebook, Noreen kitbet li r-raġel tagħha għadu qed jingħata t-trattamenti fiċ-ċentru ta’ rijabilitazzjoni ‘Live Life’ f’Tas-Sliema.
“Il-kawża fil-Qorti mistennija tibda dalwaqt, u nispera li ma tkunx maratona li ddum snin twal biex tispiċċa” kitbet mart il-vittma. Hi rringrazzjat lil dawk kollha li taw l-appoġġ tagħhom matul din l-aħħar sena ta’ tbatija.
Wara inkjesta Maġisterjali li kienet saret dwar l-inċident, kellhom jibdew proċeduri kriminali kontra 13-il persuna li kienu involuti fl-organizazzjoni tal-attività ‘Paqpaqli’.
Apparti l-proċeduri kriminali, mhux eskluż li l-vittmi jew il-familji tagħhom ifittxu lill-organizzaturi għad-danni.
Intant, l-attività ‘Paqpaqli għall-Istrina’ mhux se tkun qed tiġi organizzata din is-sena.
//= $special ?>

