Wara żewġ elezzjonijiet ġenerali f’temp ta’ anqas minn sena u li taw riżultat inkonklussiv kif ukoll għaxar xhur ta’ tilwim politiku li fih ma setax jintlaħaq ftehim dwar il-gvern ġdid, Spanja sabet l-għaqda minħabba riċetta minn kok Ingliż.
Dan wara li l-kok magħruf Ingliż Jamie Oliver poġġa fuq l-Internet riċetta tiegħu tal-platt tipiku Spanjol tal-paella. F’din ir-riċetta Oliver inkluda, fost affarijiet oħra, zalzett tipiku Spanjol, iċ-chorizo, u dan qanqal rabja kbira fost l-Ispanjoli u b’xi wħud anki jheddu lil Oliver għal dak li qisu bħala insult lil Spanja, imma l-aktar lir-reġjun ta’ Valencia minn fejn ġej dan il-platt.
Aktar kmieni din is-sena, il-ġurnal ewlieni Spanjol El Pais kellu artiklu li fih ikkritika lil diversi koki magħrufa Ingliżi għall-mod kif ibiddlu, partikolarment biż-żieda ta’ ingredjenti li mhux suppost, fi platti tipiċi Spanjoli li jippreżentaw.
Il-paella tal-kok Jamie Olivier tgħaqqad l-Ispanjoli
