Hekk kif dalgħodu beda’ jinstema l-każ ta’ libell li l-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Konrad Mizzi fetaħ lill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, waqt ix-xhieda li ta fil-Qorti, l-Ministru Mizzi rrifjuta li jgħid min qed jagħmel l-audit tal-kumpanija sigrieta tiegħu fil-Panama. Hu qal li jekk hemm min irid ikun jaf min qed jagħmel din l-investigazzjoni, għandu jistaqsi lill-Prim Ministru Joseph Muscat.
Il-Ministru responsabbli mill-enerġija Mizzi baqa’ jirrifjuta li jgħid min qed jagħmel l-audit tiegħu, għaliex fi kliemu, jekk dan ikun magħruf, “issir pressjoni fuqhom”. Dikjarazzjoni li wasslet lill-Avukat Joe Zammit Maempel biex jassigura li hu u l-klijent tiegħu ma huma se jagħmlu ebda pressjoni fuq ħadd, u li din mhix skuża biżżejjed biex il-Ministru Mizzi jibqa’ jaħbi min qed jagħmillu l-audit.
Fix-xhieda ta’ dalgħodu, Konrad Mizzi reġa’ rrepeta li hu fetaħ il-kumpanija sigrieta tiegħu fil-Panama u t-trust fin-New Zealand biex ikun jista’ jpoġġi assi tal-familja. Meta mistoqsi mill-Avukat Zammit Maempel jekk jafx li l-Panama hu pajjiż magħruf fejn jitpoġġew flus li jkunu ġew minn sorsi dubjużi, Konrad Mizzi qal li dan mhux il-każ.
Fil-Qorti, Konrad Mizzi kkonferma wkoll li l-konsulenti finanzjarji tiegħu huma Nexia BT – l-istess konsulenti li fetħu l-kumpanija sigrieta fil-Panama ta’ Keith Schembri, u kumpanija sigrieta oħra bl-isem ta’ Egrant.
Il-kawża ġiet diferita għal ġurnata oħra.