Knisja Lokali

L-Iskola San Albert il-Kbir toffri l-faċilitajiet lill-Musulmani biex jitolbu

L-Iskola San Albert il-Kbir, li hi Skola tal-Knisja, qed toffri l-faċilitajiet tal-Kulleġġ għall-użu tal-komunità Musulmana li bħalissa qed ikollha problema fejn tiltaqa’ ħalli titlob.

F’ittra ffirmata mill-Kap tal-Kulleġġ Mario Mallia u l-Provinċjal Fr Frans Micallef, il-Kulleġġ qal li fil-passat laqa’ u se jibqa’ jilqa’ tfal fid-diversità kollha tagħhom, inkluż tfal Musulmani.

Jingħad li l-ospitalità hi ċċelebrata mill-Kulleġġ bħala parti integrali mill-identità Kristjana u umana.

It-tmexxija tal-Kulleġġ qalet li qed tieħu din il-pożizzjoni għax tħoss li l-Musulmani qed jiġu mċaħħda minn dak li hu tagħhom bi dritt. Qalet li hu ħasra li mhux isibu l-ispazju li jixirqilhom wara li ħarbu minn oppressjoni.

Fl-ittra saret kritika lejn l-oġġezzjonijiet li qed jagħmlu r-residenti ta’ San Pawl il-Baħar, fost l-oħrajn dwar il-problemi tal-parkeġġ.