“L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal jemmen li l-vot għal żgħażagħ ta’ sittax-il sena jħeġġeġ iż-żgħażagħ jipparteċipaw f’deċiżjonijiet importanti li jaffettwaw kemm lilhom infushom kif ukoll ‘l oħrajn.”
Dan joħroġ minn stqarrija maħruġa mill-istess Uffiċċju, fejn jingħad li “f’ dan il-kuntest, iż-żgħażagħ għandhom bżonn jagħrfu s-siwi tal-vot u l-impatt tiegħu fuq is-soċjeta’ in ġenerali.”
Fid-dawl ta’ dan, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal jisħaq li “issa, iktar minn qatt qabel hemm bżonn li kull min ikollu t-tfal fdati f’idejh, inklużi l-ġenituri u l-edukaturi jinkoraġġixxu liż-żgħażagħ biex jaħsbu, jikkritikaw, ifaħħru u jkunu membri sħaħ tas-soċjeta’ li jgħixu fiha.”
L-istess uffiċċju jisħaq fuq l-importanza li jkollna soċjeta’ politika mhux partiġġjana, fejn jgħodd l-argument u mhux il-politikant li jagħmel l-argument.
L-opinjoni tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal kienet iffurmata f’dan is-sens għaliex ta’ sittax-il sena, l-individwu diġa’ jieħu fuq spalltu numru ta’ responsabiltajiet soċjalifosthom il-possibbiltà li jiftaħ u jmexxi negozju, jiftaħ u jħaddem kont bankarju, jagħmel testment kif ukoll jinżamm kriminalment responsabbli ta’ xi reat.
Barra minn hekk, jekk ikun impjegat, individwu ta’ sittax-il sena jħallas it- taxxi, u għalhekk l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal jemmen li għandu għalhekk jippretendi li jkun rappreżentat.
Dan ikompli jiġi kkonfermat mill-Politika Nazzjonali dwar it-Tfal, imnedija x-xahar li għadda, li tagħraf li t-tfal għandhom ikunu ċittadini attivi li jinvolvu ruħhom fil-proċess demokratiku, fil-parteċipazzjoni soċjali, fl-attiviżmu ambjentali u l-innovazzjoni, il-volontarjat u l-intrapriża soċjali.
Barra minn hekk, il-politka tinkoraġġixxi li l-veduti espressi mit-tfal jittieħdu in konsiderazzjoni permezz ta’ parteċipazzjoni demokratika billi jiġi estiż b’mod sħiħ id-dritt għall- vot liż-żgħażagħ ta’ sittax-il sena.
Anke l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar id-Drittijiet tat-Tfal tisħaq fuq id-dritt tat-tfal li jkollhom opinjoni li tinstema’ kif ukoll fuq id-dritt tal-assoċazzjoni u affiljazzjoni ma’ gruppi u organizzazzjonijiet tal-għażla tat-tfal.
//= $special ?>