BLOGS

Ma daħalx mill-bieb, imma daħal mit-tieqa

F’dawn il-ġranet, ma naqsux id-diskussjonijiet dwar l-approvazzjoni tan-nomina ta’ Leo Brincat għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri – li għalkemm ma daħalx mill-bieb prinċipali imma rnexxielu jidħol mit-tieqa. Din l-approvazzjoni ġiet wara l-vot kbir kontra din in-nomina min-naħa tal-Parlament Ewropew, vot li wera ċar is-sentiment tal-Membri Parlamentari Ewropej fil-konfront ta’ Leo Brincat, li fil-Parlament Malti vvota favur l-uniku Ministru fost il-pajjiżi Membri tal-Unjoni Ewropea, li kien involut direttament fl-iskandlu tal-Panama.
Għal Leo Brincat, m’hemmx problema li bniedem bħal Konrad Mizzi li għandu kumpaniji sigrieti fil-Panama biex fihom ipoġġi senserija, ipoġġi fuq il-bank tal-għola istituzzjoni ta’ pajjiżna.

Wara l-vot fil-Parlament Ewropew
Kieku l-Gvern Malti u Joseph Muscat, kellu ftit diċenza, kien jifhem il-vot li ngħata fil-Parlament Ewropew fejn mijiet ta’ Membri Parlamentari Ewropej ivvutaw kontra din in-nomina. Kien jammetti li l-iskandlu tal-Panama mhux biss Konrad Mizzi iżda kull membru parlamentari tal-Gvern li vvota favur Mizzi fil-vot ta’ sfiduċja.
Kieku, kien jirrikonoxxi r-rieda tal-maġġoranza tal-Parlament Ewropew u jirtira n-nomina – speċjalment fid-dawl tal-fatt li fi ftit xhur oħra, Malta se tkun qed tieħu f’idejha l-presidenza tal-Unjoni Ewropea. Iżda dak mhux Joseph Muscat – li għalaq għajnejh quddiem skandli kbar, li żamm lil Konrad Mizzi u Keith Schembri qrib tiegħu u li sal-lum għadu jiddefendihom.

Għaliex Muscat webbes rasu?
Karatteristika ta’ Joseph Muscat, li qed joħroġ biċ-ċar minn meta sar Prim Ministru hi li għandu rasu iebsa, u ma jagħti każ xejn u ħadd, l-importanti li jilħaq l-iskopijiet personali tiegħu.
Muscat webbes rasu għax ma riedx li jkollu t-tieni nomina rrifjutata wara dik ta’ Toni Abela – kulħadd jaf kemm Muscat hu vanituż f’dawn iċ-ċirkustanzi. Ried ukoll jibgħat lil Leo Brincat lil hinn – Brincat hu wieħed mill-‘antiki’ allura hekk għalaqlu ħalqu billi bagħtu Brussell b’pakkett finanzjarju ġmielu, iżda hu għandu inqas xkiel.
Ma ninsewx li Brincat kien wieħed minn dawk li tkellem kontra Konrad Mizzi, u allura kontra Muscat u n-nuqqas ta’ azzjoni tiegħu, hekk kif faqqa’ l-iskandlu tal-Panama. Muscat ma qabillux jagħmel mod ieħor, speċjalment la kien jaf li n-nomina tiġi aċċettata mill-Kunsill tal-Ministri.
Hawn tqum mistoqsija oħra – għaliex m’għamilx l-istess b’Toni Abela? Forsi għax Abela weħel mill-ewwel stadju, mhux mit-tieni bħal Brincat, iżda kulħadd jaf li Brincat għadda mill-ewwel fażi biss bis-saħħa ta’ sieħbu Alfred Sant. Għaliex trattahom it-tnejn b’mod differenti?

Xi tfisser din l-approvazzjoni?
Dan ifisser li fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri, se jkun hemm Malti li qiegħed hemm kontra r-rieda tal-Parlament Ewropew. Malta se jkollha persuna f’din il-Qorti li hi assoċjata mal-iskandlu tal-Panama – u dan ħareġ ċar mill-mistoqsijiet li saru lil Leo Brincat fil-grilling.
Ifisser li d-dell tal-korruzzjoni fuq pajjiżna se jkompli jiġi mfakkar għas-snin li ġejjin għax il-Gvern Malti għażel li jibgħat persuna li bil-vot tagħha fil-Parlament, approvat l-aġir suspettuż u rresponsabbli ta’ Konrad Mizzi.
Iżda, wara kollox, taf tfisser ukoll li Malta fil-futur ikollha tbaxxi rasha għal dak li jistgħu jitolbu minna pajjiżi membri oħra. Wieħed jittama, li biex ġiet din l-approvazzjoni ma sarx ftehim ma’ pajjiżi oħra fuq kwistjonijiet oħra u li Muscat ma biegħx ruħ pajjiżna biex sempliċement tgħaddi tiegħu b’din in-nomina.
Pjaċir ipatti b’ieħor, jgħid il-Malti, iżda nisperaw li Malta fi ħdan l-Unjoni Ewropea titkellem f’isimha u mhux biex isservi l-iskopijiet ta’ pajjiżi oħrajn talli din id-darba vvutaw favur din in-nomina.