Internazzjonali

May tkompli tinsisti dwar il-kundizzjonijiet tal-Brexit

Hekk kif ilbieraħ Theresa May għalqet il-laqgħa nazzjonali tal-Partit Konservattiv li saret f’Birmingham, il-Prim Ministru Ingliż insistiet li l-Gvern Ingliż ried kemm l-aċċess għas-suq ħieles kif ukoll il-kontroll fuq dawk li jistgħu jidħlu u jaħdmu fil-pajjiż bħala riżultat tal-Brexit.
Dan minkejja li xi mexxejja Ewropej insistew li r-Renju Unit ma setax jippretendi li jkollu l-aċċess għas-suq ħieles imma fl-istess ħin jagħlaq l-aċċess għall-ħaddiema mill-Unjoni Ewropea.
May filwaqt li ammetiet li kien se jkun hemm xi kompromess, qalet li r-Renju Unit ma kienx se jgħaddi mill-battikata tal-Brexit biex fil-każ tal-immigrazzjoni kollox jibqa’ kif inhu. L-istess qalet May kien jgħodd dwar il-Qorti Ewropea tal-Ġutizzja li bil-Brexit se tintemm il-ġurisdizzjoni tagħha fir-Renju Unit.
Din il-ġimgħa, il-Gvern Ingliż ippropona miżuri biex min iħaddem jibda jippubblika kemm għandu barrann jaħdmu miegħu kif ukoll li jitnaqqas in-numru ta’ studenti barranin li jmorru jistudjaw fil-pajjiż.
May issa ħabbret li sa Marzu tas-sena d-dieħla, il-Gvern tagħha jkun beda formalment il-proċeduri biex jitlaq mill-UE.