Internazzjonali

Rabja u kritika qalila għall-film ġdid dwar Bruce Lee

Id-dilettanti tal-films ta’ Bruce Lee – il-leġġenda tal-arti marzjali – qegħdin jikkritikaw il-film ġdid Birth of the Dragon ( biopic dwar Lee) bħala produzzjoni li tagħti idea ‘qarrieqa’ ta’ Lee minbarra li ttellef mill-importanza tiegħu għall-arti tal-kung fu.

Il-film Birth of the Dragon isegwi l-ewwel snin ta’ Bruce Lee (li kien miet fl-1973) fl-Istati Uniti u jikkonċentra b’mod partikulari fuq il-ġlieda kontroversjali tiegħu ma’ Wong Jack Man ( espert tal-kung fu) li saret  fl-1964.

Il-film hu dirett minn George Nolfi u iddebutta waqt it-Toronto Film Festival, iżda ħafna fans ta’ Bruce Lee ħaduha kontra kif l-idolu tagħhom hu ppreżentat fil-film u fejn skont huma, ‘hu (Bruce Lee) jispiċċa mwarrab aktar milli  protagonista’.

Xi kritiċi attakkaw lill-produtturi tal-film talli ‘qarrqu u taw idea differenti dwar Bruce Lee’ li skont huma ‘jidher qisu bniedem għajjur u  mhux ċert minnu nnifsu’.  Huma bl-ebda mod ma jirrakkmandaw il-film ‘lill-veru fans ta’ Bruce Lee’ għaliex il-produzzjoni ‘aktar tintilef fil-qlajjiet u l-gideb milli tipprova tagħi l-vera storja tal-attur u ikonu tal-arti marzjali’.

L-istorja wara l-film ukoll hi suġġetta għall-kritika, l-istess bħall-għażla tal-atturi għall-produzzjoni. Uħud komplew li Birth of the Dragon ‘jiddisrispetta l-memorja ta’ Bruce Lee’ minbarra li jippromwovi ideat foloz u negattivi rigward l-irġiel, in-nisa u l-kultura tal-Asja’