Ilbieraħ ġiet fi tmiemha l-konferenza annwali tal-Partit Konservattiv Ingliż, konferenza li saret fil-belt ta’ Birmingham bit-tema ‘Securing a Better Future’ f’messaġġ indirizzat b’mod mhux daqstant sottili lejn is-sitwazzjoni attwali tar-Renju Unit li jinsab fuq l-għatba li jibda l-proċess biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea wara r-referendum imsejjaħ mill-eks-Prim Ministru David Cameron.
Din il-konferenza serviet biex tagħti indikazzjoni ċara li t-tim anti-Ewropew ta’ Theresa May magħmul minn Boris Johnson, Liam Fox u David Davis se jkun qiegħed f’pożizzjoni li jippersisti bil-politika li fl-imaġinazzjoni tagħha għadha tara lir-Renju Unit bħala xi imperu aqwa minn kull nazzjon Ewropew ieħor.
Hu sentiment populist li ma’ ċerti setturi tan-nazzjon Ingliż kien faċli wieħed ibiegħu biex jirbaħ ir-referendum u jidher li l-Partit Konservattiv se jkompli għaddej b’din il-vena populista minkejja kull twissija għal kuntrarju.
Ir-realtà ekonomika
Ir-realtà hi li bil-persistenza ta’ May li r-Renju Unit mhux lest jinnegozja mal-Unjoni Ewropea dwar l-hekk imsejħa erba’ libertajiet fundamentali, May qiegħda effettivament tagħlaq il-bieb għal xi rwol attiv tar-Renju Unit fis-suq komuni.
Kliem popolari li forsi jista’ jinstema’ sabiħ meta mogħti dik il-bixra patrijottika iżda li meta wieħed jagħsru jkun ifisser li tibqa’ għaddej qisu xejn mhu xejn.
F’artiklu riċenti fuq l-Independent tar-Renju Unit kien hemm miktub, “The fundamental reason for sterling’s descent is that traders believe there will be lower demand for sterling assets as a result of Brexit – that we will ultimately do less trade with the rest of the world and that we will be poorer as a result. Argue the markets are wrong if you want to – but recognise what they are saying”.
Il-politika populista tal-Konservattivi bla dubju ta’ xejn se tagħmel l-isfida għall-Unjoni Ewropea aktar iebsa, iżda bla dubju ta’ xejn mhux waħda insormontabbli. Fl-aħħar mill-aħħar l-aktar li għandu x’jitlef mill-ebusija tar-ras u l-populiżmu hu r-Renju Unit innifsu.
Id ta’ ħbiberija iżda mhux akkost ta’ kollox
Bla dubju ta’ xejn, ħafna huma dawk li bir-raġun jargumentaw li għandna noffru id ta’ ħbiberija lir-Renju Unit. Ikun żball jekk lir-Renju Unit nittrattawh bħala xi għadu. Ir-Renju Unit kien u għandu jibqa’ pajjiż li miegħu lesti nimxu bl-id tal-ħbiberija. Ikun żball akbar iżda jekk nagħtu l-populiżmu r-rebħa li jieħu li jrid.
Il-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit għandu bl-aktar mod ċar, manifest, fuq livell politiku u fuq livell ekonomiku jkun biċ-ċar inferjuri għal sħubija u għandu jħalli lir-Renju Unit f’pożizzjoni inqas vantaġġjuża minn dik li għandu llum bħala membru.
Dan mhux b’kastig jew vendetta iżda biex ma tingħatax rebħa lill-populiżmu rħis. Rebħa li taf iġġib konsegwenzi koroh madwar l-Ewropa kollha.
Lezzjoni Britannika
Naturalment dak li ġara fir-Renju Unit issa ma jistax jitħassar. Il-Malti jgħid li għal magħmul m’hemmx kunsill. L-Unjoni Ewropea jeħtieġ iżda li titgħallem minn din l-esperjenza iebsa biex ma tkunx hi stess li bl-imġiba tagħha toffri l-art fertili li nies bħal Konservattivi Davis, Fox u Johnson u oħrajn bħal Farage tal-UKIP, tant ħadu vantaġġ minnha politikament.
Jekk dak li ġara fir-Renju Unit ma jservi ta’ ebda lezzjoni, mela allura tassew il-populiżmu se jkompli jirrenja u jilgħabha li qed joffri xi futur aħjar!