Internazzjonali

Is-Sirja: L-inħawi tal-lvant ta’ Aleppo viċin qerda totali

L-inħawi ta’ Aleppo lejn il-Lvant, li huma kkontrollati mir-ribelli li qed jiġġieldu kontra l-qawwiet tal-President Sirjan, Bashar al-Assad, jistgħu jiffaċċjaw ‘qerda totali’ fi żmien xahrejn, u fejn eluf tan-nies jispiċċaw jitilfu ħajjithom.

Dan qalu Staffan de Mistura, ir-Rappreżentant tan-Nazzjonijiet Uniti għas-Sirja, li sostna li hu lest ‘biex jakkumpanja, personalment, lill-militanti bir-rabtiet mal-al-Qaeda ’l barra minn Aleppo’, jekk kemm-il darba dan għandu jgħin biex id-dmija tieqaf.

De Mistura appella wkoll lir-Russja u lill-Gvern tas-Sirja biex ma jeqirdux il-belt ta’ Aleppo fl-impenn tagħhom biex jeliminaw lill-militanti fl-inħawi.

In-Nazzjonijiet Uniti qalet li mal-275,000 ċivili jinsabu maqbudin u iżolati fl-inħawi tal-Lvant ta’ Aleppo, li fl-aħħar jiem għaddew minn sensiela ta’ battalji ħorox.

“Fil-verità, jekk tkompli din ir-rata ta’ vjolenza, iz-zona ta’ Aleppo tal-Lvant tista’ tispiċċa meqruda għalkollox,” qal de Mistura waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Ġinevra, fl-Iżvizzera. Hu wissa li, ’il quddiem, ‘jispiċċaw maqtula eluf ta’ ċivili Sirjani u mhux terroristi’, waqt li qed jistenna wkoll ‘ammont enormi ta’ midruba ġodda f’Aleppo’.

Ir-Russja u l-Gvern tas-Sirja qalu li l-qawwiet tagħhom qed jattakkaw ġellieda tal-grupp militanti Jabhat Fateh al-Sham (l-eks Front ta’ al-Nusra) fil-Lvant ta’ Aleppo.

Sadanittant, Staffan de Mistura qal li hemm madwar 900 ta’ dawn il-ġellieda fl-inħawi tal-Lvant ta’ Aleppo u li hu lest ‘biex joħroġ magħhom minn din il-belt’ jekk l-istess militanti jiddeċiedu li jitilqu. Hu indirizza lill-Jabhat direttament u staqsa jekk il-militanti ‘humiex lesti li jiddeċiedu d-destin ta’ 275,000 persuna fil-Lvant ta’ Aleppo’.

Ir-Rappreżentant tan-NU wissa wkoll li ‘l-istorja tiġġudika lir-Russja u l-Gvern tas-Sirja’ jekk huma jużaw il-preżenza tal-militanti f’Aleppo bħala ‘skuża biex jeqirdu belt sħiħa’.