Budget 2017 Lokali

91 proposta biex nirnexxu lkoll flimkien: il-PN jippreżenta d-dokument ta’ qabel il-baġit

Il-Partit Nazzjonalista llum preżenta d-dokument ta’ qabel il-Baġit. Id-dokument tal-Pre-Budget tal-Oppożizzjoni fih 91 proposta mmirati biex ilkoll ngħixu kwalità ta’ ħajja aħjar. Dawn huma wħud minnhom:

Proposti għall-iżvillup ekonomiku

• Jonqsu t-tariffi tad-dawl għall-intrapriżi kif qegħdin jitolbu l-GRTU u l-Kamra tal-Kummerċ fost oħrajn.

• Jonqos il-prezz tal-petrol u d-diesel biex jiġi viċin il-prezz li jħallsu ċittadini ta’ pajjiżi li għandhom GDP per capita daqs ta’ pajjiżna.

• Jonqos il-preżż tal-elettriku għall-familji sabiex dawn igawdu bis-sħiħ mir-roħs li kien hemm fil-prezz internazzjonali taż-żejt, kif ukoll mill-investiment li għamel Gvern preċedenti fl-interconnector u fl-impjant tal-BWSC.

• L-Air Malta għandha tibqa’ sservi l-interessi nazzjonali mhux l-inqas l-interessi tas-settur turistiku. Kull bidla li ssir m’għandiex twassal għal nuqqas fin-numru ta’ titjiriet lejn u minn Malta.

• Jinħoloq fond biex jgħin fl-iżvillup u riġenerazzjoni urbana bl-għan ewlieni li jiġu mtejba ċ-ċentri kummerċjali fl-ibliet u rħula tagħna.

Proposti dwar l-ispiża tal-Gvern

• Tiddaħħal sistema li tassigura li r-reklutaġġ u promozzjonijiet fis-settur pubbliku jsiru skont ħtiġijiet nazzjonali u skont il-prinċipju ta’ meritokrazija.

• Jitnaqqsu n-numru ta’ persuni ingaġġati f’positions of trusts għall-inqas livell possibli.

• Servizzi li bħalissa jiġu offruti mill-Gvern ċentrali jibdew jingħataw mill-Gvern lokali sabiex b’hekk tonqos ukoll il-problema tat-traffiku.

• Jonqsu n-numru ta’ Ministeri u entitjiet pubbliċi għaliex kull diviżjoni ġġib magħha żieda kbira fl-ispiża pubblika.

• Jiġi assigurat li kull uffiċjal pubbliku, inkluż political appointees, jinżammu responsabbli ta’ għemilhom. F’ħafna każi dan ma seħħx u din l-inġustizzja trid tiġi indirizzata.


Proposti għat-tisħiħ tas-sistema soċjali f’pajjiżna

• Tiżdied il-bonus statutorju kif suġġerit mill-UĦM.

• Tiġi studjata bir-reqqa l-proposta biex pajjiżna jdaħħal is-sistema ta’ second pillar pension system.

• Titneħħa t-taxxa fuq il-pensjoni.

• L-iskema tas-sussidju fuq kera mill-privat għandha tiġi aġġornata u msaħħa biex tieħu kont u tinnewtralizza ż-żieda li kien hemm fil-prezzijiet tal-kirjiet mill-privat.

• Tittreġġa’ lura ż-żieda fil-prezz tal-kirijiet tal-postijiet tal-gvern li daħħal dan il-Gvern.

• Mediċini b’xejn lill-anzjani kollha.

Proposti għall-ambjent u l-infrastruttura

• Jitħaffef il-proċess tal-għażla tal-proġetti li se jiġu finanzjati mill-Fondi Reġjonali Ewropej 2014-2020.

• Jiġi assigurat li l-fondi miġbura mit-taxxa fuq min juża akkomodazzjoni turistika (bed-tax) u mill-Individual Investor Programme jintefqu biex jiġu ndirizzati prijoritajiet nazzjonali. Il-Gvern għandu jippublika lista ta’ dawn il-prijoritajiet u jagħżel il-proġetti wara proċess ta’ konsultazzjoni wiegħsa.

• Proġetti infrastrutturali maġġuri, partikolarment proġetti infrastruturali fil-qasam edukattiv u fil-qasam tas-saħħa għandhom jiġu sottomessi għall-iskrutinju tal-Parlament qabel mal-Gvern jidħol għall-obbligi kuntratwali.

• Isir mingħajr dewmien studju komprensiv dwar metodu alternattiv għat-trasport pubbliku sabiex jiddetermina liema hi l-aħjar sistema għal pajjiżna. L-istudju jħares partikolarment lejn l-introduzzjoni ta’ light railway system jew tramway.

Proposti għas-saħħa u l-edukazzjoni

• Għandhom jiġu ppubblikati minnufih il-kuntratti li l-Gvern iffirma ma’ Vitals Global Healthcare dwar il-privatizzazzjoni tal-Isptar t’Għawdex, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar St Luke’s.
• Għandu jsir sforz kollettiv u integrat minn professjonisti u esperti mill-qasam edukattiv, soċjali, tas-saħħa, family welfare u oħrajn sabiex jitkissru darba għal dejjem ċirkli ta’ faqar li qed jagħksu numru ta’ familji vulnerabbli.

• Jitfasslu miżuri ta’ sigurtà fl-iskejjel li jimpedixxu aċċess għal żoni tal-għalliema u l-istudenti lil terzi persuni, biex jassiguraw li l-istudenti u l-għalliema jkunu siguri u ma jħossuhomx mhedda mill-aggressjoni u l-vjolenza.

• Isir investimenti f’parks pubbliċi, gyms pubbliċi u faċilitajiet sportivi.

• Jiżdied l-investiment f’kura għall-kanċer b’xejn, medikazzjoni b’xejn, trattament b’xejn u anke prevenzjoni, bl-emfasi tkun fuq trattamenti u mediċini ġodda kif ukoll programmi ta’ prevenzjoni u screening.

Għawdex

• Jingħataw inċentivi lill-intrapriżi Għawdxin biex ikabbru l-operat tagħhom f’Għawdex.

• Operaturi fis-settur turistiku Għawdxi jingħataw għajnuna biex ikunu f’qagħda li joffru kundizzjonijiet tax-xogħol għall-impjegati tagħhom matul is-sena kollha.

• Jingħataw aktar inċentivi biex kumpaniji ġodda jiftħu negozju f’Għawdex u b’hekk jinħolqu postijiet tax-xogħol ġodda f’din il-gżira.

• Il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-Gvern f’Għawdex għandhom ikunu l-istess bħal dawk tal-ħaddiema tas-settur pubbliku f’Malta. Bħalissa fis-settur pubbliku f’Għawdex hemm ħafna ħaddiema jaħdmu bil-prekarjat.

• Jiġi finalizzat mingħajr aktar dewmien l-istudju komprensiv biex janalizza l-impatt ekonomiku, soċjali u ġeoloġiku tal-mina bejn Għawdex u Malta.

• Jiddaħħal mingħajr aktar dewmien il-Fast Ferry Service bejn iż-żewġ gżejjer.

• Jitpogga t-tieni fibre-optic cable bejn Malta u Għawdex.

• Jiġu provduti inċentivi għas-settur privat biex jinvesti f’boutique care home f’Għawdex biex l-anzjani f’Għawdex jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu fil-komunità.

• Jitjieb is-servizz tal-home-help f’Għawdex. Dan is-servizz, li jippermetti anzjani biex jibqgħu jgħixu fi djarhom, mar għall-agħar drastikament fl-aħħar tliet snin.

• Tiżdied l-assistenza finanzjarja lil studenti Għawdxin li jkomplu l-istudji sekondarji, post-sekondarji u terzjarji f’Malta, biex jitnaqqsilhom il-piż finanzjarju żejjed li jkollhom iġorru studenti Għawdxin u l-familji tagħhom.

• Jiżdiedu n-numru ta’ korsijiet li joffri ċ-Ċentru tal-Università f’Għawdex. In-numerus clausus għal ċertu korsijiet għandu jiġi rivedut biex jirrifletti d-daqs ta’ Għawdex.

Id-dokument sħiħ kif ukoll sommarju bl-aqwa proposti (bil-Malti) jistgħu jinqraw f’din il-link: www.pn.org.mt/budget

pre budget document pn - dokuent ta qabel bagit -