Lokali

FILMAT: Muscat diġa jaf x’se jkunu l-konklużjonijiet tal-audit “indipendenti” dwar il-kumpanija sigrieta ta’ Konrad Mizzi

Jerġa’ jirrifjuta li jgħid x’jisimha l-kumpanija li qed tagħmel l-audit

Il-Prim Ministru Joseph Muscat inkixef li diġa jaf x’se jkun fih l-audit, suppost indipendenti, li qed isir dwar il-kumpanija sigrieta li l-Ministru Konrad Mizzi fetaħ fil-Panama biex fiha jitfa’ s-senserija.

Dalgħodu Muscat kien qed jikkummenta mal-media wara jumejn jaħrab lill-ġurnalist, u wara appell mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin biex il-ġurnalisti jitħallew jagħmlu l-mistoqsijiet tagħhom.

“Fl-aħħar mill-aħħar se jkun hemm firma li tgħid li dak li qal Konrad Mizzi hu veru” qal il-Prim Ministru, f’konferma li diġa jaf x’se jkunu l-konklużjonijiet tal-audit “indipendenti” li qed isir.

Muscat kien qed jiġi mistoqsi mill-ġurnalisti x’jisimha l-kumpanija li qed tagħmel dan l-audit. Madanakollu l-Prim Ministru rrifjuta li jgħid x’jisimha l-kumpanija, li ddeskriva bħala “internazzjonali” u li għandha reputazzjoni.

“L-isem nippubblikawh meta jkun ippubblikat l-audit,” saħaq il-Prim Ministru, li kompla li jaħseb li kollox għandu jkun ippubblikat f’daqqa.

F’sentenza waħda, Muscat qal li l-audit huwa “work in progress”, iżda kompla billi qal li “l-istudji kollha huma lesti”.

Muscat kompla li l-kumpanija se tkun qed tiċċertifika li m’hemmx flus fil-kumpanija sigrieta ta’ Konrad Mizzi, u żied li dan se jsir wara “riċerki mad-dinja kollha u fil-banek kollha possibbli”.