Lokali

FILMAT: Muscat jaħrab mistoqsijiet dwar il-kunflitt ta’ interess minn Keith Schembri

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħarab milli jwieġeb mistoqsijiet dwar il-kunflitt ta’ interess minn Keith Schembri.
Wara li il-ġurnal In-Nazzjon żvela li din hija l-ewwel darba li Komori qed tinnegozja ta’ Crane Currency, dan is-sit prova jistaqsi lill-Prim Ministru jekk għadux jaħseb li m’hemmx kunflitt ta’ interess.

Il-kunflitt ta’ interess hu dwar il-mod kif Keith Schemrbi, Chief of Staff fl-Uffiċju tal-Prim Ministru, għandu involviment f’kumpanija li f’Malta tirrappreżenta lill-Komori, b’possibiltà li tirċievi anke commissions mingħanda.

Dan hekk kif Komori qed tinnegozja ma’ Crane Currency biex tissuplixxi l-magni li din tal-aħħar se tiġi bżonn meta twaqqaf stamperija tal-flus f’Malta.

Malli dan il-kunflitt ta’ interess kien żvelat fil-media għall-ewwel darba, Muscat mill-ewwel kien iddefenda lil Keith Schembri u qal li ma jarax li hemm kunflitt ta’ interess. Iżda sa dakinhar, kien għadu mhux magħruf li Komori qatt ma ssuplixxiet magni lil Crane Currency, u li qed isiru negozjati bejn Komori u Crane Currency.

Muscat kien ammetta li Keith Schembri kien involut fin-negozjati ma’ Crane Currency biex din tiġi tistampa l-flus f’Malta. “Jiena rringrazzjajtu tal-irwol li kellu biex iffaċilita l-affarijiet”, kien qal Muscat lill-ġurnalisti wara li kien żvelat il-każ.

Dalgħodu, NETnews staqsa lill-Prim Ministru jekk għadux jaħseb li m’hemmx kunflitt ta’ interess, bil-Prim Ministru jaħrab mill-mistoqsija, jidħol fil-karozza, u jaħrab mill-post.