Id-deputat tal-UKIP, Steven Woolfe, għandu, għalissa, jinżamm l-isptar, wara li spiċċa ħażin fi ġlieda bl-idejn li kellu ma’ kollega tiegħu fil-Parlament tal-Ewropa.
Woolfe, li hu membru tal-Parlament Ewropew u li ssemma fost il-favoriti li jieħu t-tmexxija tal-UKIP wara r-riżenja ta’ Diane James ( li damet biss 18 il-jum fil-kariga), kellu jibqa’ taħt osservazzjoni fl-isptar ta’ Strasbourg ‘għal 48 siegħa’.
Ingħad ukoll li Woolfe impenja ruħu biex ‘jagħmel ħbieb mill-ġdid’ ma’ Mike Hookem, l-MEP l-ieħor u kollega tal-UKIP li kellu xi jgħid miegħu.
Intant, uffiċjali mal-Parlament tal-Ewropa bdew inkjesta dwar ‘l-iżviluppi serji ta’ nhar il-Ħamis’ bejn iż-żewġ deputati tal-partit radikali Britanniku li żbruffaw wara laqgħa għar-rappreżentanti tal-partit. Il-UKIP ukoll beda l-investigazzjoni tiegħu, fost rapporti li ‘il-pulizija ma kenux ikkuntattjati’ u li ‘Woolfe ma xtaqx li l-affarijiet jaslu sa hawn’.
Kollegi oħra ta’ Steven Woolfe qalu li hu ‘jinsab tajjeb u ma jinsabx f’periklu’. Dan wara li hu ittieħed l-isptar meta ħassu ħażin b’konsegwenza tal-ġlieda u fejn għadda minn scanning tal-moħħ bħala prekawzjoni.
//= $special ?>