Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista jwissi dwar defiċit infrastrutturali u dwar korruzzjoni li ttellef ir-reputazzjoni tal-pajjiż
“Il-futur ta’ pajjiżna jiddependi mid-deċiżjonijiet li nieħdu llum – dwar it-traffiku u l-infrastruttura, dwar il-korruzzjoni u dwar l-ekonomija b’mod ġenerali”.
Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta kien qed jindirizza l-konferenza annwali ta’ Ernst & Young f’Malta (EY), li matulha kien diskuss il-futur tal-ekonomija Maltija.
Simon Busuttil semma diversi modi kif pajjiżna jista’ jibda jipprepara mil-lum għall-futur, fosthom b’deċiżjonijiet dwar it-traffiku l-infrastruttura.
“Għandna bżonn sistema alternattiva ta’ trasport pubbliku, b’tram li jgħaqqad lil Malta u Għawdex,” sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, li spjega kif pajjiżna qed jesperjenza defiċit infrastrutturali.
Dwar l-ekonomija, Simon Busuttil fakkar kif aktar kmieni, l-għaqda internazzjonali ‘Transparancy International’ ċanfret lil Malta u apppellat lill-Gvern biex inaddaf il-madra ta’ korruzzjoni li hawn.
Filwaqt li nnota li l-iskandlu tal-Panama seta’ nkines taħt it-tapit, il-konsegwenzi għadhom evidenti.
“Dan kollu joħloq riskju għar-reputazzjoni ta’ Malta; riskju li jista’ jtellifna fil-futur, hekk kif pajjiżna se jieħu f’idejh il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea” wissa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, li appella lill-Prim Ministru biex jirranġa l-affarijiet qabel tibda l-Presidenza Maltija tal-Kunsill Ewropew.
Fid-diskors tiegħu, Simon Busuttil irrefera wkoll għal numru ta’ suġġetti oħra, fosthom il-privatizazzjoni tal-Air Malta. Dwar dan, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jaqbel li għandu jkun hemm sħubija strateġika. Madanakollu, għandu jibqa’ jkun hemm kontroll nazzjonali fuq id-deċiżjonijiet li jaffettwaw il-konnettività tal-pajjiż.
“Deċiżjonijiet bħal dawn ma jistgħux isiru f’Ruma, Milan jew Abu Dabi, u għaldaqstant nemmen f’mudell li jżomm il-kontroll nazzjonali tal-linja nazzjonali tal-ajru”, sostna Simon Busuttil.
Stqarrija tal-PN : Il-korruzzjoni tal-Gvern ta’ Muscat qed tħalli impatt negattiv fuq l-investiment f’pajjiżna
Il-korruzzjoni li fniet il-Gvern ta’ Joseph Muscat fl-aħħar tliet snin qed tħalli impatt negattiv fuq l-ekonomija u l-investiment f’pajjiżna. Dan issa ġie kkonfermat minn studju dettaljat li għamlet il-kumpanija internazzjonali EY, li jgħid li l-istabbilità u t-trasparenza f’Malta fost l-investituri niżlet bi 15% f’sena waħda biss.
L-iskandlu tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru u l-Ministru Konrad Mizzi li nqabdu li fetħuhom biex fihom jitfgħu s-senserija, ħammeġ ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna madwar id-dinja kollha – mhux biss politikament, iżda issa għandna konferma li dan l-iskandlu qed iħalli impatti negattivi anke fost dawk li jinvestu. Dan minbarra d-dikjarazzjoni b’saħħitha ta’ Transparency International li appellat lill-Malta biex tnaddaf id-diżastru tal-korruzzjoni.
Il-kaġun ta’ dan kollu hu Joseph Muscat u r-ras iebsa tiegħu li jiddefendi lil min inqabad li fetaħ il-kumpaniji sigrieti fil-Panama. Muscat jiddeċiedi ħażin, u bid-deċiżjonijiet ħżiena tiegħu, qed ibatu l-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.