Lokali

Il-kumpanija Virtu Ferries tinvesti €75 miljun f’katamaran ġdid

Il-kumpanija Virtu Ferries iffirmat kuntratt ġdid mal-Incat Tasmania Pty. Ltd għall-bini ta’ Katamaran High Speed Wavepiercer għar-rotta bejn Malta u Sqallija.

Hu ppjanat li dan il-katamaran ġdid ikun lest għall-aħħar erba’ xhur tal-2018 u se jkun l-ikbar RoPax Catarmarn li qatt inbena biex jopera fil-Mediterran. Il-vapur se jkollu l-kapaċità li jġorr 900 passiġġier fl-erba’ lounges lussużi fuq żewġ livelli għall-passiġġieri flimkien ma’ faċilitajiet fuq barra. Il-garaxx se jakkomoda 23 trailer, ekwivalenti għal 490 trakk jew 167 karozza. Il-catamaran se jkollu veloċità ta’ 38 mil nawtiku u għalhekk il-vjaġġ bejn Malta u Sqallija se jieħu madwar 90 minuta.

Incat Tasmania huma ewlenin fil-bini ta’ vapuri li ma jikkaġunax ħsara ambjentali u jispeċjalizzaw f’vapuri effiċjenti fl-użu tal-fuel.

Il-Virtu Ferries ilha topera servizzi ta’ veloċità bejn Malta u Sqallija għal dawn l-aħħar 28 sena flimkien ma’ servizzi fuq ir-rotot bejn Venezja u portijiet Adrijatiċi u s-Slovenja kif ukoll bejn Tarifa u Tangiers. Il-vapur il-ġdid se jkun qed jopera fuq ir-rotta bejn Malta u Sqallija flimkien mal-catamaran Jean De La Vallette.

Dan se jwassal biex is-servizzi fuq ir-rotta bejn Malta u Sqallija tkun imsaħħa biex b’hekk Malta jkollha konnessjoni aqwa mal-kontinent. Il-katamaran il-ġdid se jtejjeb ukoll l-aċċesssibilta bil-kumpanija Virtu Ferries tippjana inizjattivi ġodda għas-settur turistiku.