Internazzjonali

Il-Malasja: Parti ta’ ajruplan hu ‘mit-Titjira MH370’

 

L-awtoritajiet fil-Malasja qalu li oġġett identifikat bħala parti mill-fdalijiet ta’ ajruplan li nstabu fl-inħawi ta’ Mauritius hu tal-ajruplan tal-Malaysia Airlines – Titjira MH370 – li kien għab, f’Marzu tal-2014, waqt titjira minn Kuala Lumpur lejn Beijing, fiċ-Ċina.

L-ajruplan, tat-tip Boeing 777, kien qed iġorr 239 persuna – passiġġiera u membri tal-ekwipaġġ – meta sparixxa minn fuq ir-radar fil-jum fatali.

Sadanittant, tfittxija li damet għaddejja sentejn ma żvelatx informazzjoni jew riżultati konkreti li setgħu jixħtu dawl speċifiku fuq il-misteru.

Il-Ministru tat-Trasport Malasjan, Liow Tiong Lai, issa qal, permezz ta’ stqarrija, li l-analiżi tal-Bureau Awstraljan għall-Ħarsien tas-Sigurtà tat-Trasport sabet li l-parti inkwistjoni ‘kienet konsistenti mat-tarf tal-ġewnaħ ta’ ajruplan’.

Dan meta żewġ biċċiet oħra ta’ debris minn ajruplan, qabel, kienu kkonfermati bħala ‘elementi tal-Boeing Malasjan li ilu ma jidher mit-8 ta’ Marzu tal-2014’.

Il-partijiet l-oħra ‘preċedenti’ tal-ajruplan kienu rkuprati, rispettivament, mill-gżira Franċiża ta’ Reunion u mill-gżira ta’ Pemba, lil hinn mill-kosta tat-Tanżanija.