Internazzjonali

Il-President tal-Kolombja jirbaħ in-Nobel għall-Paċi

Ftit tal-minuti ilu tħabbar li l-President tal-Kolombja, Juan Manuel Santos, rebaħ il-Premju Nobel għall-Paċi ta’ din is-sena għall-isforzi teigħu biex itemm konflitt ta’ 52 sena, f’pajjiżu, mar-ribelli tax-xellug tal-grupp FARC.

Il-kumitat tan-Nobel għall-Paċi fin-Norveġja faħħar lil Santos għall-inizjattivi li ħa biex iwassal għall-ftehim storiku ma’ dawn ir-ribelli u li kien iffirmat ix-xahar li għadda wara erba’ snin ta’ negozjati.

Madanakollu, il-Kolombjani ma aċċettawx il-ftehim waqt vot speċifiku li sar fi tmiem il-ġimgħa l-oħra u issa l-President Santos jinsab determinat xorta waħda li jkompli bit-taħditiet mar-ribelli biex jikkonkludi l-affarijiet għas-sodisfazzjon ta’ kulħadd. Fil-fatt, in-negozjaturi tal-Gvern Kolombjan diġà rritornaw f’Kuba għal round ġdid ta’ diskussjoni mal-Kapijiet tar-ribelli FARC u meta jidher li hemm rieda tajba fuq iż-żewġ naħat.