BLOGS

Jonqos l-investiment mill-Gvern

Bħal nhar it-Tnejn tmint ijiem, fis-17 ta’ Ottubru, il-Ministru tal-Finanzi jippreżenta l-baġit tal-Gvern Laburista għall-2017. Għalhekk nifhem li ċ-ċifri li ħarġu għal Jannar-Awwissu ta’ din is-sena dwar il-qagħda finanzjarja tal-Gvern huma l-aħħar ta’ qabel il-baġit. Iċ-ċifri ppubblikati juru li l-Gvern daħħal €100 miljun iktar mill-istess perijodu tas-sena l-oħra. Fl-istess waqt in-nefqa kollha tal-Gvern kienet ta’ biss €38 miljun iktar li l-parti l-kbir minnha, €26 miljun marru f’pagi u salarji. L-iktar li kien effettwat min-nefqa tal-Gvern kien l-investiment kapitali li kien ta’ €83 miljun inqas mill-istess perijodu s-sena l-oħra. Is-self tal-Gvern ma naqasx. F’Awwissu id-dejn pubbliku kien jilħaq €5,555 miljun, jew €158 miljun iktar minn Awwissu tas-sena l-oħra. Il-Gvern fl-ewwel tmien xhur tas-sena issellef €180 miljun u ħallas lura €12 miljun ta’ djun li kien hemm.

Fl-estimi nsibu ħafna ċifri li mhux dejjem jintlaħqu. Fl-estimi ta’ din is-sena nsibu li d-dħul rikorrenti kellu jkun ta’ €3,613 miljun – anki inqas mid-dħul rivedut tas-sena l-oħra li kien ta’ €3,630 miljum. Veru li l-Gvern din is-sena qed jistma li se jdaħħal mal-€150 miljun inqas minn għotjiet mill-Unjoni Ewropea, iżda kif tista’ tispjega li f’ekonomija li tant niftaħru li sejra ’l quddiem, id-dħul tal-Gvern jonqos? Hu anki veru li l-Gvern qed jutilizza l-għexieren ta’ miljuni li Lawrence Gonzi ġablu qabel l-aħħar elezzjoni, €1,200 miljun. X’kien jagħmel mingħajr dawn il-miljuni li ġew bħala riżultat tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea li l-Laburisti tant maqdru u werwru lill-poplu dwarha? U x’se jagħmel darba l-ekonomija tagħna tkun fi stat li ma nikkwalifikawx iżjed għal dawn il-fondi?
Grazzi għall-miljuni li kellu fl-aħħar snin il-Gvern daħħal xita ta’ ħaddiema mas-settur pubbliku. Inutli li hemm min igħid li mhux veru għax iċ-ċifri jitkellmu waħedhom. Hawn qed nitkellem dwar ċifri ta’ nfiq f’pagi u salarji fis-settur pubbliku. Filwaqt li bejn l-2010 u l-2012 in-nefqa tal-Gvern f’pagi u salarji żdiedet b’€68 miljun, bejn l-2013 u l-2015 żdiedet b’€130 miljun – kważi d-doppju. U qed tkompli tiżdied. Fl-ewwel tmien xhur tas-sena diġà kien hemm żieda oħra f’pagi u salarji ta’ €26 miljun. Ċifra li ma nafux jekk tinkludix il-pagi u s-salarji ta’ dawk l-mijiet li kienu mal-Enemalta u tqiegħdu f’kumpanija u dawk il-mijiet li nqatgħu minn fuq ir-Reġistru u ngħataw impjieg.
Biex iżid id-dħul, il-Gvern jidher li qed japplika żewġ miżuri: żieda fid-dejn u tnaqqis fl-investiment kapitali.
Il-Partit Laburista, mill-Oppożizzjoni, kien kontinwament jitkellem kontra d-dejn. Darba fil-Gvern ma baqax lura milli jissellef. Fi Frar tal-2013 id-dejn pubbliku kien jilħaq €4,782 miljun. F’Awwissu li għadda, id-dejn pubbliku kien ta’ €5,555 miljun – jew €773 miljun iktar. 16.2 fil-mija iktar. Mhux ċenteżmu jew tnejn, iżda qrib it-€800 miljun. Dawn il-miljuni m’hemmx dubju li servew biex ingħalqu t-toqob fil-finanzi tal-Gvern. Flok naqset il-ħtieġa tal-Gvern li jissellef żdiedet, tant li din is-sena l-Gvern stima li se jissellef €600 miljun jew €100 miljun (20 fil-mija) iktar mill-2015. Kemm beħsiebu jissellef il-Gvern Laburista meta jingħalaq il-vit tal-miljuni tal-Unjoni Ewropea?
Hemm imbagħad l-investiment kapitali tal-Gvern. Investiment li jmur biex titjieb l-infrastruttura, biex ikollna iktar skejjel moderni f’kull livell, biex intejbu l-isptarijiet u ċ-ċentri tas-saħħa ta’ kull tip. biex isir restawr, riabilitazzjoni, riġenerazzjoni u tant proġetti oħra li jagħmlu tajjeb għalihom l-finanzi tal-Gvern.

Għal xahar wara l-ieħor il-Gvern nefaq inqas f’investiment kapitali. Fit-tmien xhur ta’ din is-sena nefaq €83 miljun inqas, jew 30.6 fil-mija inqas mill-istess perijodu s-sena l-oħra. Anki hawnhekk it-tnaqqis fin-nefqa kapitali hu r-riżultat dirett tan-nuqqas ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea. Biss ebda gvern ma jista’ jibbaża l-investiment tiegħu unikament fuq dak li jikseb mill-Unjoni Ewropea. Il-Gvern irid inaqqas l-infiq tiegħu minn setturi li ma jirrendux – anzi li huma mażżra m’għonqu – u jiddedika iktar fondi biex jinvestihom fl-immodernizzar tal-pajjiż. Hekk pereżempju l-Gvern jeħtieġ li jinvesti iktar fit-toroq ta’ pajjiżna u jsib il-mezzi biex it-traffiku f’Malta u Għawdex jimxi aħjar.
Il-Gvern Nazzjonalista bena mill-ġdid it-toroq arterjali li jwasslu minn tarf sa tarf ta’ Malta u Għawdex. Bena mijiet ta’ toroq fil-bliet u l-irħula tagħna. Dan il-Gvern irid ikompli jibni fuq li sab. Il-proġett ta’ Triq Reġjonali hu importanti. Iżda hu ftit wisq. X’se jagħmel biex inaqqas it-taffiku minn ħdejn iċ-ċimiterju tal-Addolorata? Hemm qegħdin f’pożizzjoni li t-traffiku li jkun tiela’ minn Birżebbuġa jibda jeħel sa minn ħdejn Għar Dalam u jibqa’ mwaħħal tul it-triq kollha Tal-Barrani u n-niżla taċ-Ċimiterju. Nemmen li kieku t-triq li kienet tgħaddi mix-xatt tal-Marsa, minn fuq il-baċir, titranġa, isir pont fuq il-baċir li jitla’ u jinżel kif naraw ħafna bħalu barra, it-traffiku kollu lejn il-Kottonera jkun jista’ jiġi ddevjat minn hemm u diġà tkun solvuta parti mill-problema. Hemmhekk fejn irid isir l-investiment. L-Ingliżi jgħidu ‘first things first’ u m’għandix dubju li preżentament m’hemm ebda problema ikbar minn tat-traffiku li hi anki riżultat ta’ investiment xejn adegwat f’dan is-settur.

Il-Gvern, bħal missier tajjeb, qiegħed hemm biex iqassam dak li jdaħħal b’mod ekwu u ġust. Qiegħed hemm biex minn dak li jidħol jaħseb l-ewwel f’dawk inqas iffortunati li b’li jdaħħlu ma jwasslux sal-aħħar tax-xahar. Qiegħed hemm biex ma jħallix li n-numru ta’ dawk f’riskju ta’ faqar ikompli jikber. Kif qed jiġri.
Il-Gvern mhux qiegħed hemm biex jagħmel lil ftit sinjuri u jkompli jkattar il-faqar fil-pajjiż. Il-finanzi tal-Gvern għandhom ikunu ddedikati għal hekk biss.
Fuq kollox il-Gvern irid jaħseb li l-finanzi tiegħu jkunu sostenibbli. Bħalissa, minkejja ż-żieda fid-dejn pubbliku, il-Gvern qed iħallas inqas f’imgħaxijiet. Dan għax l-imgħaxijiet tbaxxew internazzjonalment. Biss din mhix sitwazzjoni li se tibqa’ magħna għal dejjem. Filwaqt li n-nefqa rikorrenti tal-Gvern għandha tiġi kkontrollata, in-nefqa kapitali għandha tkun tali li pajjiżna jibqa’ javvanza ʼl quddiem bħala pajjiż modern.
Gvern għaqli ma jħarisx sal-ponta ta’ mnieħru. Meta jkun għaddej mis-seba’ snin tal-abbundanza għandu jaħseb għal meta jiġu snin li jirrendu inqas. Għax jekk le, dak kollu li ksibna b’tant sagrifiċċji tul is-snin, jisfa’ fix-xejn.