Internazzjonali

L-Urugan Matthew: Il-vittmi tal-maltemp jaqbżu l-400 fil-Haiti

L-Uragan Matthew sa ftit ilu kien javvanza miz-zoni lejn il-limiti ta’ Florida, fl-Istati Uniti, fost rapporti li, f’Haiti, mietu ’l fuq minn 400 persuna  b’kapun tal-elementi mill-istess uragan.

L-Uragan Matthew hu l-akbar maltempata li laqat ir-reġjun tal-Karibew f’dawn l-aħħar għaxar snin u issa qed joħorġu d-direttivi għall-alert fl-Istati Uniti, fejn il-President Amerikan Barack Obama ħeġġeġ biex in-nies ‘jevakwaw lejn artijiet għoljin’ u jimxu ma’ dak li jgħidulhom l-awtoritajiet.

Dan meta l-inħawi fit-Tramuntana ta’ Jacksonville u l-Istat Amerikan ta’ Georgia qed jidhru taħt ‘periklu imminenti’ mill-maltemp ta’ ‘Matthew’ li qed javvanza lejn il-lvant mill-Bajja ta’ Daytona, lil hinn mill-kosta ta’ Florida.

Intant, il-vittmi f’Haiti kienu mistennija jiżdiedu, b’xi 50 persuna jkunu kkonfermati mejtin fil-belt ta’ Roche-a-Bateau waħedha. Dan meta l-elementi minn ‘Matthew’ qerdu mat-80 fil-mija tal-bini fil-belt ta’ Jeremie, bi 30,000 residenza jikkrollaw fil-provinċja tas-Sud.

Din il-maltempata ta’ ‘Kategorija 3’ illum kienet qed tiġġenera rwiefen ta’ 190 kilometru fis-siegħa waqt li ma kienx ċert jekk, ’il quddiem, kellhiex tavvanza aktar ’il ġewwa, fl-Istati Uniti.

L-Uragan Matthew, fl-aħħar jiem, ħalla wkoll impatt konsiderevoli f’Kuba u l-Bahamas.