Ambjent Lokali

Rekord dinji ġdid: Popolazzjonijiet ta’ qroll aħmar prezzjuż instabu f’fond rekord f’Malta

Ġie mwaqqaf rekord ġdid ta’ fond li fih jinstab il-qroll aħmar prezzjuz fil-baħar, u dan ir-rekord jappartjeni lil Malta. Il-baħar fond madwar il-Gżejjer Maltin kien mistħarreġ matul żewġ spedizzjonijiet differenti, fl-2015 u l-2016, bħala parti mill-proġett ‘LIFE BaĦAR for N2K’. Matul dan l-istħarriġ, intużat vettura li togħdos taħt l-ilma li kienet mgħammr b’kamera awdjo-viżwali biex jigi mistħarreg qiegħ il-baħar sa fond ta’ madwar kilometru. Ix-xjenzati tal-proġett kienu sorpriżi li sabu numru ta’ kolonji ta’ qroll aħmar (Coralliumrubrum) li kien qed jikber sa fond ta’ 1,016 metru – xi 200 metru aktar fond mir-rekord ta’ qabel, ukoll fl-ibħra Maltin.

Ix-xjenzati mill-NGO Oceana, li ħadu ħsieb jagħmlu l-istħarriġ taħt il-baħar, u mid-Dipartiment tal-Bioloġija fl-Università ta’ Malta, li kienu responsabbli għall-analiżi tal-informazzjoni miġbura, dan l-aħħar ippreżentaw is-sejbiet tagħhom waqt il-41 Kungress tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Esplorazzjoni Xjentifika tal-Mediterrann (CIESM) li sar f’Kiel, il-Ġermanja, mit-12 sas-16 ta’ Settembru 2016.

Il-professur Patrick J. Schembri, mid-Dipartiment tal-Bioloġija tal-Università ta’ Malta, spjega li ‘kolonji tal-qroll aħmar huma normalment irrapportati minn fond li jvarja bejn 15-il metruu 300 metru, u qatt qabel ma ġew irreġistrati f’fond ta’ aktar minn 800 metru. Il-kolonjikienu parti minn komunità ta’ qroll differenti li jgħixu f’fond ta’ minn 300 sa 1,000 metru.

Dan ir-rekord kien sorpriża u juri kemm nafu ftit dwar il-baħar li jdawwar il-gżejjer tagħna stess.’ Diversi sejbiet interessanti oħra magħmula waqt l-istħarriġ tal-LIFE BaĦAR for N2K kienu ppreżentati wkoll fl-istess kungress tas-CIESM. Dawn jinkludu l-iskoperta ta’ sikka magħmula minn sponoż iffossilizzati f’fond ta’ madwar 300 metru, għerien tal-baħar f’fond ta’ 450 metru, kif ukoll meded kbar ta’ ramel u ħama li fuqhom jgħixu għadd differenti ta’speċi, inkluż xi wħud rari u anki mhedda.

Ricardo Aguilar, mexxej tal-ispedizzjoni u direttur tar-riċerka tal-Oceana fl-Ewropa, irrimarka li ‘Ħafna mis-siti fejn iltqajna ma’ diversi sikek tal-qroll qatt ma kienu riċerkati qabel, u s- sejbiet mill-proġett tal-LIFE Baħar for N2K jindikaw li l-baħar fond madwar Malta jirrappreżenta hotspot ta’ biodiversità importanti.’

Il-proġett LIFE BaĦAR for N2K, li permezz tiegħu ġew iffinanzjati dawn l-ispedizzjonijiet, għandu l-għan finali li jkun żgurat li l-ambjenti naturali mhedda tal-baħar, inklużi sikek tal- baħar fond, jiġu mħarsa billi jiġu mwaqqfa siti marittimi protetti taħt in-Natura 2000 netwerk tal-Unjoni Ewropea, li kollettivament jissalvagwardja ħafna żoni naturali ta’ valur fl-UE. L-informazzjoni miġbura matul l-istħarriġ ser tippermetti t-tnidija ta’ miżuri iktar effettivita’ ħarsien u mmaniġġjar tal-ambjent sabiex jiġu indirizzati dawk l-affarijiet li jagħmlu ħsara, inkluż skart tal-baħar u l-irkaptu tas-sajd mormi.

Il-proġett LIFE BaĦAR for N2K hu ko-finanzjat mill-programm ta’ finanzjament tal-Unjoni Ewropea EU LIFE+, u huwa mmexxi mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), mal-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima (MSDEC), id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura (DFA), id-Dipartiment tal-Bioloġija fl-Università ta’ Malta (DoB-UoM) u Oceana bħala msieħba.

qroll