Lokali

Stħarriġ mill-EY: L-istabbilità u t-trasparenza f’Malta fost l-investituri tinżel bi 15% f’sena waħda

Il-korruzzjoni u n-nuqqas ta’ trasparenza qed ikollhom impatt fuq l-investiment f’pajjiżna. Dan joħroġ bl-aktar mod ċar mill-istħarriġ annwali li sar mill-EY fost l-investituri barranin f’pajjiżna.

Skont l-istħarriġ, ‘EY’s Malta Attractiveness Survey’, jirriżulta li mis-sena li għaddiet ‘l hawn – jiġieri f’perjodu ta’ sena – naqas l-ammont ta’ investituri li jaħsbu li f’Malta hawn l-istabbiltà u t-trasparenza fil-politika u fl-oqsma legali u regolatorji.

L-istħarriġ isir kull sena minn din il-kumpanija, Ernest & Young, u r-riżultati jiġu ppreżentati f’konferenza annwali li ilha ssir minn meta pajjiżna daħal fl-Unjoni Ewropea. Waqt il-konferenza, jattendu mijiet ta’ persuni li jirrappreżentaw investituri barranin f’Malta.

Il-kumpanija EY hija kumpanija internazzjonali u fl-istħarriġ ta’ din is-sena sabet li l-istabbiltà u t-trasparenza f’Malta fost l-investituri niżlet bi 15%, bil-Partit Nazzjonalista jgħid, dwar dan, li l-korruzzjoni li fniet lill-Gvern ta’ Joseph Muscat fl-aħħar tliet snin qed tħalli impatt negattiv fuq l-ekonomija u l-investiment ta’ pajjiżna.

Skont l-istħarriġ tal-EY, fl-2015 kien hemm 85% tal-investituri barranin li jaħsbu li f’Malta hawn l-istabbiltà u t-trasparenza, iżda din is-sena, dan l-ammont niżel għal 70%.

Il-Partit Nazzjonalista fakkar fl-iskandlu tal-Panama, id-dikjarazzjoni ta’ Transparency International biex Malta tnaddaf id-diżastru tal-korruzzjoni u fil-mod kif Muscat qed iwebbes rasu li jkompli jiddefendi lil min qed jinqabad fl-iskandli.

Intant, l-istess stħarriġ mill-kumpanija internazzjonali EY sab ukoll li l-futur tal-ekonomija għall-ħames snin li ġejjin huma kollha oqsma li twelldu minn Gvernijiet Nazzjonalist, fosthom l-iGaming, it-teknoloġija u l-informatika u s-servizzi finanzjarji.