Internazzjonali

Tony Blair reġa’ qed jikkunsidra rwol politiku

L-eks Prim Ministru Laburista Britanniku, Tony Blair, qal li hu qed iħoss ‘sentimenti qawwija’ dwar l-istat tal-politika preżenti fir-Renju Unit u li qed jikkunsidra jekk jeżistix ‘xi rwol għalih’ fil-futur f’dan il-qasam.

Blair, li kien qed jitkellem mal-ġurnal Esquire, esprima t-tħassib li r-Renju Unit żvolġa f’pajjiż ‘ta’ Partit wieħed’ u li l-poplu qed jiffaċċja għażla bejn Gvern li jinsisti għal ‘Hard Brexit’ – il-proċess għat-tluq mill-Unjoni Ewropea fejn il-Britanniċi, fost oħrajn, iwarrbu għas-suq komuni – u Partit Laburista ‘ultra-xellug’ li l-politika tiegħu mhix valida għal dawn iż-żmenijiet.

Tony Blair irtira mill-politika lokali wara li kien telaq mill-poter, fl-2007. Dan wara li hu kien rebaħ tliet elezzjonijiet ġenerali bħala Prim Ministru, meta għen jittrasforma l-Partit Laburista fid-disgħinijiet.

Iżda r-rwol tiegħu biex ir-Renju Unit, fl-2003, jidħol għall-gwerra fl-Iraq niżel ħażin mal-poplu, inklużi ħafna membri tal-Partit Laburista, — bil-kondotta ta’ Blair tkun ikkritikata waqt l-inkjesta uffiċjali (‘ta’ Chilcot’) dwar il-gwerra li sar dan is-sajf.

F’dawn is-snin, mindu telaq mill-poter, Tony Blair ikkonċentra fuq proġetti ta’ negozju u r-rwol tiegħu bħala Rappreżentant għal-Lvant Nofsani li kien waqaf minnu, fl-2015.