Lokali

Wara li l-PM ħarab darbtejn lill-ġurnalisti : L-Istitut tal-Ġurnalisti jappella għal rispett lejn il-ġurnalisti

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, l-IĠM, fi stqarrija qal li huwa mħasseb għall-mod kif xi drabi l-ġurnalisti mhumiex jitħallew jagħmlu l-mistoqsijiet li jkunu jixtiequ. Saħansitra f’okkażjoni partikolari huma ssejħu jirrappurtaw konferenza tal-aħbarijiet iżda kif spiċċat, ma ngħatawx iċ-ċans jistaqsu, la fuq is-suġġett u wisq iżjed fuq temi oħra, kif normalment hi l-prassi fi tmiem kull konferenza tal-aħbarijiet.

Saru meta saru u jsiru meta jsiru, affarijiet bħal dawn ma jagħmlux sens għax iċaħħdu lill-ġurnalisti milli jwasslu l-informazzjoni lill-poplu, kif fl-aħħar mill-aħħar hu dmir tagħhom f’soċjetà demokratika u ħielsa.

L-IĠM, fl-istqarrija jtemm jgħid li kif għamel fi żminijiet differenti, jibqa’ jappella għar-rispett lejn il-ġurnalisti waqt il-qadi ta’ dmirijiethom fl-interess pubbliku.

Fl-aħħar jumejn il-Prim Ministru ħarab il-ġurnalisti f’żewġ okkażjonijiet, fl-ewwel każ, li seħħ l-Erbgħa, il-Prim Ministru sejjaħ għal midja għall-konferenza tal-aħbarijiet, iżda l-ġurnalisti ma’ tħallewx jistaqsu, waqt li t-tieni każ seħħ ilbierah meta l-Prim Ministru ħarab għat-tieni darba f’24 siegħa u biex jagħmel dan ħarab minn bieb tal-emerġenza biex jevita l-ġurnalisti.