Fi 23 sena ta’ gvernijiet tal-PN kellna sitt ħatriet ‘politiċi’ – erbgħa ‘nazzjonalisti’ u tnejn ‘laburisti’ – waqt li fl-aħħar tliet snin ta’ gvern ta’ Joseph Muscat, jekk ikunu approvati l-aħħar tnejn, ikollna seba’ ħatriet ‘politiċi’, kollha ‘laburisti’!
Dan l-aħħar innutajt kampanja pjuttost sottili ispirata mill-Partit Laburista fil-mezzi tal-midja lokali. Opinjonisti u partitarji laburisti, u magħhom oħrajn li falsament jilagħbuha tal-indipendenti, qed jiktbu u jgħidu li, wara kollox, iż-żewġ l-partiti l-kbar huma ‘l-istess’ u allura m’hemmx bżonn ta’ bidla. Inżommu dak li għandna.
Naturalment din l-istrateġija hi mnebbħa mill-fatt sagrosant li fil-fond ta’ qalbu l-Labour jirrikonoxxi l-mod pessmu ta’ governanza tiegħu u li fl-aħħar tliet snin tilef il-qaleb u l-ġbejna ma’ ħafna nies li fl-2013 ‘ippruvawh’ u ma’ oħrajn ġenwinament laburisti li ma jifilħux jaraw il-partit tagħhom nieżel aktar fil-qiegħ speċjalment b’każi ta’ korruzzjoni lampanti.
Għal-lum qed nagħżel aspett partikulari fejn tal-Labour jippruvaw ibellgħu l-mantra li qed jimxu bħal ta’ qabilhom. Se nħares lejn l-għażla tal-ġudikanti – Imħallfin u Maġistrati – f’pajjiżna. Ngħid mill-ewwel li billi fit-tmexxija ta’ dan il-ġurnal ħadd ma jimponi l-idea tiegħu fuq ħadd, dan li se nikteb hu strettament dak li naħseb jien fuq is-suġġett u, allura, ma jorbot lil ħadd aktar. U se nikteb mingħajr xkiel ta’ xejn u ta’ ħadd.
■ Ngħaddi l-ewwel għall-prinċipju bażiku: Nemmen li fl-għażla tal-ġudikanti, min jaħtarhom għandu fuq kollox u qabel kollox, ifittex l-INTEGRITÀ. Nippreferi wieħed inqas għaref u integru milli xi ġenju brillanti iżda korruttibbli.
■ It-tieni: a priori m’għandux ikun hemm preġudizzju ma’ min f’ħajtu b’xi mod imiss mal-politika basta, għal darb’oħra, ma jkunx imtebba’ b’xi azzjoni, jew nuqqas ta’ azzjoni, li evidentement ma kinux korretti jew li, addirittura, jiksru l-liġi.
■ It-tielet kumment. Jista’ jkollok l-aqwa liġijiet u regolamenti possibbli għax jekk min għandu f’idejh l-għażla finali jkun jixtieq ibagħbas jew ‘idur’ magħhom, ikun kollu għalxejn.
Mela, b’dan stabbilit, immur issa dritt għall-punt li rrid nagħmel.
Id-diskors dwar l-għażla tal-ġudikanti reġa’ qam hekk kif sar magħruf li bħalissa għaddej eżerċizzju li fi tmiemu hu mistenni li żewġ persuni b’rabta qawwija mal-Labour jinħatru Mħallfin. Minnufih bdiet il-kritika min-naħa laburista ssostni li dan il-Gvern qed jagħmel bħal ta’ qablu. Dan hu l-paroli, iżda l-FATTI huma dawn li ġejjin.
Ejja l-ewwel nieħdu dak li ġara fi żmien il-gvernijiet nazzjonalisti fil-kariga bejn l-1987 u l-2013, dak li l-Labour , żbaljatament, isejħu ‘il-25 sena tan-nazzjonalisti fil-gvern’. F’dan iż-żmien – 23 sena u ftit – gvernijiet tal-PN ħatru sitt persuni fil-kariga ta’ mħallef jew maġistrat u li b’xi mod kellhom rabta ‘diretta’ jew ‘indiretta’ mal-politika.
Biex ma nispiċċawx niddiskutu l-persuni konċernati flok l-argument ewlieni tagħna llum, mhux se nsemmi ismijiet.
Dawn is-sitta, ta’ żmien in-Nazzjonalisti, kienu dawn:
■ Fl-1994 inħatar Imħallef iben eks deputat nazzjonalista li kien ilu mejjet 21 sena.
■ Fl-1994 inħatar Maġistrat ekskandidat Nazzjonalista
■ Fl-1998 inħatar Maġistrat eks Segretarju Parlamentari nazzjonalista
■ Fl-2002 inħatar Imħallef eksdeputat laburista
■ Fl-2003 inħatar Imħallef ieħor ekskandidat laburista
■ Fl-2012 inħatret Imħallef li 20 sena qabel kienet kandidata nazzjonalista.
Dan iġibna għaċ-ċifra favoluża ta’ erbgħa b’konnessjoni nazzjonalista u tnejn b’konnessjoni laburista. U ma ninsewx, dan fi 23 sena – medja ta’ ħatra kull erba’ snin, u jekk tieħu ħatriet b’konnessjoni PN, ħatra kull sitt snin.
Issa nqabblu ma’ dak li ġara taħt il-Gvern Laburista ta’ Joseph Muscat fl-aħħar tliet snin.
■ F’Lulju 2013, ir-raġel ta’ MEP laburista, inħatar Imħallef
■ F’Marzu 2014, kandidata laburista fl-aħħar elezzjoni ġenerali nħatret Maġistrat
■ F’Lulju 2014 inħatar bħala Mħallef eks deputat Laburista li kien okkupa wkoll diversi karigi għoljin fil-PL u fil-midja tiegħu
■ F’Mejju 2015 inħatar Maġistrat li kien ikkontesta darbtejn l-elezzjoni ġenerali mal-MLP u ġurnalist magħruf fil-midja Laburista.
■ F’Mejju 2015 ukoll, inħatret Maġistrat persuna li kienet kemm kandidata laburista kif ukoll sindku laburista.
■ U issa, jekk iseħħ dak li qed jingħad, se jsiru żewġ Imħallfin ġodda: wieħed li sal-bieraħtlula kien in-numru 2 wara Joseph Muscat u, ieħor, ekskandidat laburista u persuna ta’ fiduċja f’Ministeru taħt dan il-gvern.
Dan iġib it-total – jekk l-aħħar tnejn ikunu approvati – għal seba’ ħatriet ‘politiċi’ fi ftit aktar minn tliet snin. Medja ta’ aktar minn tnejn fis-sena!
Nifhem lil min jgħid li l-aqwa l-onestà u l-integrità – anki jien, għedtilhom, hekk nemmen – iżda fl-istess ħin, u bħalma ngħidu għall-ġustizzja fil-Qrati, din mhux biss trid issir iżda TIDHER ukoll li qed issir.
Bħas-soltu nħalli f’idejkom biex wara li tiflu sew dawn il-fatti li semmejt, taslu għall-konklużjoni tagħkom – konklużjoni bażata fuq ġudizzju infurmat u mhux fuq dak li jgħidu xi wħud biex iżellġu l-verità tal-fatti.