Lokali

“Il-Partit Nazzjonalista hu l-partit tal-ħaddiema” – Simon Busuttil

Il-Partit Nazzjonalista hu l-partit tal-ħaddiema għaliex jaħseb biex joħloq xogħol b’paga tajba u hu interessat li l-ħaddiema kollha jkomplu javvanzaw. Il-Partit Nazzjonalista jassigura li mhux biss jinħoloq il-ġid, iżda li l-ġid jitqassam b’mod ġust bejn kulħadd, u dawk l-aktar li ħadmu għalih – jiġifieri l-ħaddiema – jgawdu minnu.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt li kien qed jindirizza l-konferenza ‘Il-Ħaddiem l-Ewwel’ organizzata mis-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista, li xxandret live fuq Radio 101. Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista qed joħroġ bi proposti wkoll għall-ħaddiema tal-passat, jiġifieri l-pensjonanti.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera għad-diversi laqgħat li jkollu mal-ħaddiema, fosthom tat-Tarzna, tal-Freeport, tal-Air Malta li bħalissa għaddejjin minn inċertezza kbira, kif ukoll ħaddiema ta’ diversi kumpaniji privati fi żjarat diversi. Il-messaġġ ċar li qed jibgħat lil dawn il-ħaddiema hu li l-Partit Nazzjonalista jinteressah minnhom.

Simon Busuttil qal li minbarra Oppożizzjoni effettiva, l-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta lilu nnifsu bħala Gvern alternattiv bi proposti konkreti u serji li jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies. Hu rrefera b’mod partikolari għall-ħames dokument bi proposti li ressaq il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar sena: dak tal-Pre-Budget Document għas-sena d-dieħla b’91 proposta ndirizzati biex nirnexxu lkoll flimkien.

Fost l-oħrajn, il-Partit Nazzjonalista qed jiproponi li jitbaxxew il-kontijiet tad-dawl u l-ilma kif jixraq, biex jirriflettu l-prezz tal-elettriku mill-interconnector, mill-Power Station tal-BWSC u mit-tnaqqis fil-prezz internazzjonali taż-żejt; li tiżdied il-bonus statutorja kif qed tiproponi l-UĦM Voice of the Workers, li x-xogħol prekarju jieqaf darba għal dejjem; kif ukoll li tiġi ndirizzata l-problema tat-traffiku li qed taffettwa bosta ħaddiema u studenti.

Fl-aħħarnett, Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista qed jimpenja lilu nnifsu li l-inġustizzji jieqfu darba għal dejjem, u minbarra li ssir ġustizzja ma min sofra inġustizzja, jsir ħaqq ma’ min ikun wettaqha.