Lokali

Il-PN iressaq ilment quddiem l-Awtorita’ tax-Xandir dwar ir-reklami politiċi tat-tanker tal-gass

L-istazzjon nazzjonali qiegħed ixandar reklami politiċi li qed jiddefendu l-monument tal-korruzzjoni li mistenni jasal f’pajjiżna fis-siegħat li ġejjin. Sostna dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija li ħareġ biex jilmenta dwar reklami politiċi li qed jixxandru fuq PBS.

Fl-istqarrija l-Partit Nazzjonalista jsostni li dawn ir-reklami – li r-responsabbiltà editorjali tagħhom hi tal-Kap tal-Aħbarijiet tal-PBS Reno Bugeja – mhux biss huma ta’ kontroversja politika, iżda huma skorretti, b’gideb intenzjonat biex jinganna lin-nies dwar it-tanker tal-gass li Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi se jkunu qed ipoġġu ftit metri ‘l bogħod minn fejn jgħixu u jaħdmu eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin.

Dwar dawn ir-reklami politiċi, il-Partit Nazzjonalista bgħat ittra lill-Kap tal-Aħbarijiet tal-PBS Reno Bugeja fl-24 ta’ Settembru li għadda, iżda minkejja li kellu tliet ġranet biex fihom jagħti risposta għal din l-ittra, l-Kap tal-Aħbarijiet tal-PBS injora l-ittra tal-Partit Nazzjonalista u baqa’ qatt ma bagħat tweġiba. Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista bagħat ittra lill-Awtorità tax-Xandir biex iressaq protest dwar dawn l-ispots politiċi.

Fl-istqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li madankollu, minkejja li għaddew sitt ijiem minn meta saret it-talba għal dan il-protest, l-Awtorità tax-Xandir għadha ma ffissattx ġurnata biex jinstema’ dan il-protest. Dan minkejja t-talba biex dan il-protest jinstema’ b’mod urġenti minħabba n-natura tar-reklami politiċi.

Il-Partit Nazzjonalista sostna li hu ċar li l-Awtorità tax-Xandir u l-PBS – flimkien – qed jaħdmu biex, l-ewwelnett, il-protest idum biex jinstema’ tant li l-kampanja tar-reklami politiċi tkun diġà spiċċat meta jinstema’ l-protest, u t-tieninett, biex ma jagħtux id-dritt lill-Partit Nazzjonalista li jwieġeb għal dawn ir-reklami politiċi b’reklami tiegħu.