Mara u raġel suspettati li kienu qed jippjanaw attakk suwiċida b’karozza-bomba fit-Turkija qatlu lilhom infushom ġo razzett, fil-limiti ta’ Ankara. Huma ddeċidew li jneħħu ħajjithom meta kienu qed javviċinawhom il-pulizija wara li rċevew informazzjoni dwar ‘il-movimenti suspettużi tal-koppja’.
Il-mara u raġel, indikati bħala militanti mal-grupp tal-gwerrillieri Kurdi PKK, użaw l-isplussivi li kellhom biex itajjru lilhom infushom wara li l-pulizija kienu qalulhom biex iċedu l-armi.
Il-koppja, dak il-ħin, kienet qed tistaħba fir-razzett fid-distrett ta’ Haymana, ftit ‘il barra mill-kapitali. Intant, aktar tard, instabet kwantità ta’ splussivi fil-vettura tal-koppja, bl-awtoritajiet qed ifittxu persuna oħra li hi ‘assoċjata mal-militanti mejtin’.
Filwaqt li l-Gvernatur ta’ Ankara issuġġerixxa r-rabta bejn il-koppja u s-separatisti armati Kurdi, l-awtoritajiet Torok bħalissa qed jippruvaw joħorġu bid-dettalji konkreti dwar l-intenzjonijiet u l-affiljazzjoni tal-mara u r-raġel inkwistjoni.
//= $special ?>