Internazzjonali

Jaħsbu li kien qed jippjana attakk fil-Ġermanja

Il-Pulizija fil-belt ta’ Chemnitz, fil-Lvant tal-Ġermanja,  għaddejjin bi tfittxija għal raġel suspettat li kien qed jippjana attakk terroristiku bl-isplussivi.

Il-qawwiet tas-sigurtà ħadu azzjoni wara li kienu mgħarrfa ‘dwar is-sitwazzjoni’ minn aġenti tas-servizzi sigrieti domestiċi. Intant, dawn il-qawwiet wettqu rejd fuq appartament speċifiku iżda naqsu milli jsibu lir-raġel inkwistjoni.

Instabu diversi traċċi ta’ splussivi f’dik il-proprjetà u r-residenti tal-lokalità kienu avżati biex jibqgħu ġewwa, waqt li l-pulizija wettqu l-istħarriġ dovut fiz-zoni ta’ Chemnitz. Din il-belt għamlet ukoll żmien f’sitwazzjoni ta’ lock-down, fl-interessi tas-sigurtà.

Is-suspettat inkwistjoni kien identifikat bħala Jaber Alkadr, ta’ 22 sena, li twieled is-Sirja. Ħarġu wkoll ir-ritratti tas-suspettat li qed ikunu ċċirkulati fost il-pubbliku.

Iżda d-dettalji ‘u r-raġuni wara l-pjan għall-attakk potenzjali’ baqgħu mhumiex magħrufa, skont kelliema mal-uffiċċju għall-investigazzjonijiet tal-azzjonijiet kriminali fl-Istat ta’ Sassonja. Fl-istess ħin, ħadd ma jaf kemm Alkadr kien ilu fil-Ġermanja.

Fil-Ġermanja tallum qed jispikkaw l-argumenti ‘favur u kontra’ d-deċiżjoni tal-Kanċiller ( tal-Ġermanja) Angela Merkel biex tiftaħ il-fruntieri ta’ pajjiżha għall-immigranti u r-refuġjati – b’din id-deċiżjoni ilha effetiva mis-sena l-oħra. Dan meta fl-aħħar xhur daħlu l-Ġermanja aktar minn miljun persuna, ħafna minnhom mis-Sirja.

Fl-aħħar xhur, il-Ġermanja għaddiet minn numru ta’ attakki terroristiċi, fosthom każ fejn raġel armat b’mannara kien attakka lin-nies fuq ferrovija qrib Wuerzburg. Każ ieħor kien seħħ f’Ansbach fejn 20 persuna ksfaw midruba fi splużjoni suwiċida. It-terroristi tal-ISIS kienu ħadu r-responsabbiltà għal dawn iż-żewġ attakki.