Donald Trump, il-kandidat li se jikkuntesta għall-Presidenza tal-Istati Uniti f’isem il-Partit Repubblikan, talab skuża pubblika dwar kummenti oxxeni li kien għadda dwar in-nisa u li ħarġu fil-beraħ permezz ta’ videotape li kien sar fl-2005.
Il-kummenti dispreġjattivi ta’ Trump rigward in-nisa (fuq il-videotape) huma l-aħħar f’sensiela ta’ kontroversji assoċjati mal-kandidat biljunarju, u issa Trump qed jipprova jimminimizza l-ħsara għall-prospetti politiċi tiegħu.
Donald Trump, issa, qed jgħid li ‘il-kummenti ta’ dakinar ma jirriflettux il-vera personalità tiegħu’. Kumment partikulari ta’ Trump (fuq it-tape) li qanqal stmerrija kbira kien li ‘ladarba wieħed ikun stilla ikun jista’ jagħmel dak li jrid bin-nisa’.
Il-kummenti kienu kkundannati mill-ogħla membri tal-Partit Repubblikan waqt li Hillary Clinton, il-kandidat tal-Partit Demokratiku għall-White House u rivali ‘eterna’ ta’ Trump, fissret il-kliem partikulari bħala ‘ikrah u xukkanti’ Hi qalet ukoll li ‘l-Amerikani ma jistgħux jippermettu li Donald Trump jilħaq President tal-Istati Uniti’.
L-apoloġija ta’ Trump dwar il-kontenut tal-videotape, intant, tidher li hi l-ewwel waħda sħiħa tiegħu f’kampanja mimlija bir-rimarki kontroversjali.
//= $special ?>