BLOGS

Lejn dinja aħjar

Nhar is-Sibt f’The Times of Malta deher artiklu interessanti, x’aktarx sindikat, jiġifieri ppubblikat madwar id-dinja ħielsa. L-awtur kien Ban Ki-moon, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda. Kien jismu: It-triq lejn dinja aħjar.
Fl-artiklu nsibu deskrizzjoni allarmanti tas-sitwazzjoni tad-dinja, iżda fl-istess ħin Ban Ki-moon mhux bniedem li jaqta’ qalbu. Għandu tama qawwija li l-poter f’idejn il-poplu għad iġib dinja fejn il-ġustizzja tirrenja, “id-dinja perfetta tidher fuq l-orizzont”. Meta tikkunsidra l-mod kif iddeskriva d-dinja tal-lum, ma tistax ma tistaqsix jekk l-ottimiżmu li wera Ban Ki-moon hux illużjoni.
Qed ngħixu f’dinja fejn l-estremisti qasmu l-poplu f’aħna u huma, fejn l-uċuħ tal-ibħra qed jogħlew u s-sħana tiżdied b’mod allarmanti, fejn il-konflitti b’armi qerrieda qed isiru kumplessi fin-natura tagħhom u qed ikarkru s-snin, fejn il-fallimenti fil-governanza qed jikkawżaw instabbiltà fis-soċjetà, f’ħafna pajjiżi mexxejja qed jiktbu kostituzzjonijiet ġodda, qed jimmanipulaw ir-riżultati elettorali, iżommu fil-ħabs l-avversarji politiċi tagħhom waqt li jaraw kif jagħmlu minn kollox biex jibqgħu jiggvernaw – mhux stampa sabiħa.

Tgħiduli, iżda fid-dinja mhux minn dejjem kellna xenarju mqalleb ħafna. Veru, l-istorja tal-maġġoranza tal-popli ħielsa hi waħda mdemma. L-iżviluppi li seħħew ma biddlux għalkollox dan ix-xenarju, għad għandna gwerer qerrieda, dittatorjati, nuqqas ta’ libertajiet fundamentali, skjavitù, traffikar ta’ bnedmin, qtil tal-innoċenti u ambjent mniġġes minn kull xorta ta’ tinġis. Saru progressi enormi fl-edukazzjoni u s-saħħa u f’ħafna oqsma oħrajn, iżda r-riżultati globali huma tal-mistħija.
L-għada li deher l-artiklu ta’ Ban Ki-moon l-ewwel qari fil-quddiesa kienet silta mill-Profeta Habakkuk li għex fis-snin 600 Qabel Kristu. Meta smajt il-qari tiegħu għedt bejni u bejn ruħi, veru li d-dinja wara dawn is-sekli kollha, almenu f’partijiet tagħha, għadha tgħix l-istess xenarju. Habakkuk kiteb dwar l-oppressjoni tal-poplu, l-inġustizzji. “Quddiemi nara qirda u vjolenza, hemm it-tilwim, u l-ġlied dejjem jiżdied.” Diskors u sentimenti li għadhom jgħoddu għal-lum. Dinja li nbidlet ta’ taħt fuq fejn it-traċċi ta’ kliem il-Profeta huma l-istess dawk li ssemmew minn Ban Ki-moon.

Artilkli ta’ din in-natura jiġġeneralizzaw, u kull pajjiż irid jara x’jgħodd għalih. Temi bħal dawk dwar il-bidliet fil-klima jgħoddu għalina speċjalment minħabba ċ-ċokon tagħna.
It-terroriżmu jaffettwana wkoll u nkunu boloh jekk ninjorawh u ma noqogħdux attenti ħafna dwar dawk il-barranin li jiġu minn pajjiżi fejn it-terroristi huma mifruxa sewwa. Il-gwerer ukoll jaffettwawna għax iżidu l-instabbiltà u għalkemm Malta tgawdi b’xi mod minħabba n-nuqqas ta’ sigurtà madwarna, il-paċi tibqa’ l-aħjar ambjent għal żvilupp ekonomiku bla skossi.
Ban Ki-moon poġġa enfasi dwar il-governanza. Hu hawn għandna ħafna x’nirriflettu. Il-fallimenti fil-governanza għexniehom fis-snin 70 u 80 u llum qed naraw mod ġdid kif klikka ta’ nies rgħiba li jridu jsiru sinjuruni fl-anqas żmien possibbli jmexxu f’Kastilja.
Inħolqu diviżjonijiet fis-soċjetà tagħna tal-aħna u huma. Aħna li ħadd ma jista’ għalina. Aħna li nistgħu nagħmlu li rridu. Aħna li l-forzi tal-ordni ma jistgħux imissuna. Jekk il-pulizija tibqa’ mmanipulata minn Kastilja kif ġara u għadu jiġri, “l-huma” huma dawk li m’għandhomx lil min jipproteġihom.

Issemma wkoll fl-artiklu l-manipular ta’ riżultati elettorali. Għal darb’oħra jkolli ngħid, li żmien bħal dan seħħ, speċjalment fl-elezzjoni tal-1981. Il-periklu għadda? Le. Ħalli mmur għal rapport li deher f’dan il-ġurnal nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Settembru.
Fil-Qorti l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel minn kollox biex persuni li m’għandhomx dritt li jivvutaw, isimhom jinqata’ minn fuq ir-reġistru elettorali. Mela ċ-Chairman tal-Identity Malta, ekskandidat tal-Partit Laburista Joe Vella Bonnici, xehed taħt ġurament li l-individwi li qed jixtru l-passaport Malti qed jiġu mitluba li jiġu Malta darbtejn biss u jqattghu hawn biss ftit ġranet jew ftit ġimgħat. L-ewwel darba jiġu biex jimlew l-applikazzjoni u d-dokumenti meħtieġa biex jinħarġilhom il-permess tar-residenza, u t-tieni darba biex jieħdu l-ġurament li jingħata lil dawk kollha li jieħdu ċ-ċittadinanża Maltija.
Ir-regoli dwar ix-xiri ta’ passaport Malti jgħidu li ladarba jittieħed il-ġurament ta’ lealtà u tingħadd ukoll is-sena ta’ residenża, jinħareġ iċ-ċertifikat ta’ naturalizzazzjoni u l-passaport. Iżda kif jista’ jkun li ħafna minn dawk li xtraw il-passaport Malti sabu isimhom fuq ir-reġistru elettorali? Din hi manipulazzjoni ntiża biex il-Partit Laburista jżid il-voti u allura l-Gvern Laburista jkollu aktar ċans li jtawwel is-snin tal-poter. Kliem Ban Ki-moon.

Smajt b’każi fejn Maltin ta’ barra qed jingħataw impieg (bil-prekarjat?) basta jiġu hawn u joqogħdu hawn sa jum l-elezzjoni ġenerali. Quddiem dan ix-xenarju m’għandhiex dubju li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ b’seba’ għajnejn attent li isem dawk biss li għandhom dritt tal-vot jibqgħu fir-reġistru sa jum l-elezzjoni.
Intom għandkom tgħaddu s-suspetti tagħkom lill-Partit Nazzjonalista dwar xi persuni dubji f’dan il-kuntest. Elezzjonijiet nodfa u trasparenti mill-bidu sa l-aħħar huma parti essenzjali mill-mixja lejn dinja aħjar.