Internazzjonali

In-Nofsinar ta’ Haiti meqrud mill-Uragan Matthew

L-ammont tal-mejtin f’Haiti b’riżultat tal-Uragan Matthew qabżu d-900, bl-uffiċjali tal-għajnuna jsostnu li sa 90 fil-mija tax-zoni tal-pajjiż sfaw meqruda kważi għal kollox.

Ħafna mill-agħar bliet milquta ta’ Haiti kienu għadhom ma ntlaħqux mill-art fost inkwiet li ċ-ċifra tal-vittmi mit-terremot se jikbru b’mod sostanzjali. Dan waqt li ħaddiema għall-għajnuna sostnew li ‘medda territorju fin-Nofsinar ta’ Haiti ġarrbet qerda totali’.

In-Nazzjonijiet Uniti wissiet li jistgħu jgħaddu l-ġranet sakemm isiru jafu l-effetti terribbli sħaħ li ġarrbet Haiti, meta l-Uragan Matthew qed jissemma fost l-agħar maltempati li qatt laqtu r-reġjun tal-Karibew f’dawn l-aħħar għaxar snin.

Jidher li wħud mill-ibliet f’Haiti li ġarrbu l-akbar impatt mill-uragan jistgħu jintlaħqu biss bil-mezzi tal-baħar u tal-ajru. Uffiċjali tal-Gvern u tan-Nazzjonijiet Uniti jistmaw li madwar 350,000 persuna f’Haiti jeħtieġu l-għajuna immedjata fiċ-ċirkustanzi.

Fl-aħħar sigħat, l-Uragan Matthew avvanza tul il-kosta ta’ Florida, fl-Istati Uniti, waqt li resaq viċin l-Istati ta’ North u South Carolina. Filwaqt li in-National Hurricane Center (NHC) naqqas il-livell tal-uragan għal ‘kategorija wieħed’, bl-irwiefen tiegħu jonqsu  mill-veloċità, xorta mistennija inċidenza ta’ għargħar gravi fiz-zoni tal-kosta.

Il-President Amerikan Barack Obama wissa li filwaqt li l-maltemp ma ħalliex il-ħerba li kienu qed jistennew fin-Nofsinar ta’ Florida, l-Amerikani għandhom iqisu xorta lill-uragan bħala fenomenu perikoluż ħafna. Dan meta fl-Istat ta’ Florida biss kien hemm aktar minn nofs-miljun dar mingħajr dawl b’riżultat tal-elementi.