Il-GRTU tipproponi numru ta’ miżuri biex isiru fl-immedjat
Is-sitwazzjoni tat-traffiku saret “insopportabbli u inaċċettabbli”. Sostniet dan fi stqarrija il-GRTU li qalet li rċeviet diversi lmenti minn membri tagħha li huma nkwetati b’sitwazzjoni allarmanti li m’għadhiex biss kwistjoni ta’ ħinijiet tax-xogħol u frustrazzjoni iżda ta’ kompetittivita’.
Kumpaniji tal-kiri tal-karozzi bix-xufier qed jagħżlu li ma jaċċettawx kirjiet fl-agħar ħin tat-traffiku, l-ispejjeż tat-trasport u kunsinji ta’ merkanzija qed jiżdiedu minħabba ineffiċjenzi kkawżati mit-traffiku, nies li qed jaqtgħu qalbu li jsuqu biex imorru shopping u ħaddiema b’inqas produttivita’ minħabba ħin moħli fit-traffiku.
Il-GRTU qalet li ilha li ppreżentat xi proposti sabiex tittaffa s-sitwazzjoni iżda dawn il-proposti baqgħu fuq l-ixkaffa.
Mhux aċċettabbli li l-awtorita’ jgħidu lis-sewwieqa u negozji jieħdu paċenzja u jaċċettaw l-affarijiet kif inhuma.
Fost is-suġġerimenti li l-GRTU ressqet sabiex jiġu mplimentati fl-immedjat huma:
1. Trasport kollettiv mingħajr ħlas għal skejjel, trasport organizzat għall-ħaddiema kollha tal-Gvern u ħruġ ta’ inċentivi sabiex employers idaħħlu skemi ta’ trasport kollettiv għall-impjegati tagħhom.
2. Sistema ta’ infurzar iktar effiċjenti b’ko-ordinazzjoni aħjar bejn il-gwardjani lokali, il-ħaddiema ta’ Transport Malta u l-pulizija tat-traffiku u l-enfasi trid tkun fuq maniġġjar ta’ traffiku u mhux ħruġ ta’ ċitazzjonijiet. Għandhom jitwaqqfu units ta’ kriżi li jmorru f’postijiet fejn ikunu saru inċidenti sabiex it-toroq ikunu mblukkati għall-inqas ħin possibbli.
3. Ix-xogħolijiet fuq proġetti li għandhom impatt nazzjonali bħal dak tal-Kappara għandhom isiru 24 siegħa kuljum.
4. Implimentazzjoni immedjata ta’ iktar sistemi ta’ Park and Ride fejn jistgħu ikunu utilizzati spazji abbandunati bħall-istadium tal-Gżira.
5. Il-Gvern imexxi bl-eżempju f’inizzjattivi bħal ħinijiet differenzjati ta’ xogħol, servizzi online, xogħol mid-dar u flexi-time.
L-istqarrija ttemm li l-GRTU qed tistenna azzjoni immedjata li tista’ ttaffi s-sitwazzjoni tat-traffiku li qed taffettwa serjament il-ħidma tal-pajjiż kollu u li sempliċement għid li bdiet l-iskola mhux biżżejjed. Il-GRTU se tressaq il-ħsibijiet tagħha lill-Prim Ministru direttament.


